Monday, December 9, 2024

“Niltaqgħu ma’ anzjani bil-Covid-19 jinfaqgħu jibku.. iħossuhom weħidhom”

Aqra wkoll

Nitkellmu ma’ infermiera li bħalissa qed tiltaqa’ ma’ pazjenti bil-Covid-19

Minn MARIA AZZOPARDI

Sherehan, infermiera li taħdem ġewwa l-Isptar Mater Dei, tkellmet ma’ Inewsmalta dwar il-ħidma impenjattiva li bħala professjonisti tas-saħħa qed ikollhom f’din il-ġlieda kontinwa kontra l-imxija tal-Covid-19. Minkejja li hija ggradwat f’Diċembru li għadda bħala infermiera, xorta waħda Sherehan ingħaqdet mal-frontliners l-oħra u tinsab kommessa li tagħti s-servizz tagħha lill-pazjenti fosthom dawk li ġew pożittivi b’dan il-virus.

“Meta bdejt naħdem kienet għadha ma bdietx din il-pandemija imma kif inqala’ dan kollu bdejt nara sseħħ bidla ta’ kuljum ġewwa l-Isptar Mater Dei. Rajt liberija tinbidel għal ward, il-canteen tal-istaff jinbidel f’ward ukoll, iktar sodod u l-istress beda jiżdied fuq kulħadd. Imma ovvjament bqajna naħdmu kollha id f’id bħala tim wieħed biex inżommu kollox taħt kontroll kif nemmen li hekk qed jiġri,” qalet Sherehan.

Ovvjament il-biża’ hemm tkun iżda din il-biża’ tkun preżenti ukoll fil-pazjent speċjalment fl-anzjani ta’ età kbira li ma jkollhomx idea tal-virus

Hija rrakkuntat kif bħal ħafna kollegi tagħha ddecidiet li tagħmel l-aħjar għażla biex tipproteġi lill-familja tagħha peress li hija individwu b’riskju għoli u marret tgħix ġewwa appartament. Hija ilha diversi ġimgħat ma tara lill-familja tagħha imma taf li bħalissa huwa tajjeb li tagħmel dan is-sagrifiċċju għall-ġid tagħhom filwaqt li qalet li ħajjitha nbidlet mil-lejl għal nhar.

Pazjenti bil-Covid-19 jinfaqgħu jibku għax familjari ma jistgħux iżuruhom

Sherehan qalet li ovvjament il-biża’ hemm tkun iżda din il-biża’ tkun preżenti wkoll fil-pazjent speċjalment fl-anzjani ta’ età kbira li ma jkollhomx idea tal-virus. Hija qalet li l-pazjenti pożittivi bil-Covid-19 ma jiġux affettwati biss b’mod fiżiku biss iżda anke mentalment. “Aħna nibqgħu nkellmuhom, nikkalmawhom u nippruvaw infehmuhom x’inhu jiġri u għalfejn kelna nilbsu kif qegħdin għax ovjament bil-PPEs ma jkunx jidher wiċċek u għalhekk ma jkunux jafu min qed jieħu ħsiebhom. Ġieli niltaqgħu ma’ anzjani li jinfaqgħu jibku għax iħossuhom weħidhom u minsija mill-familjari tagħhom għaliex ovjament il-familjari ma jistgħux jidħlu ħdejn il-pazjent,” qalet Sherehan.

Tajjeb ukoll li wieħed jifhem li anke l-professjonisti tas-saħħa jistgħu jiġu affettwati mil-lat ta’ saħħa mentali li qed jaħdmu sigħat twal u jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ dawn il-pazjenti pożittivi għall-Covid-19. Sherehan qalet li ovvjament is-saħħa mentali tagħhom bħala professjonisti tiġi affetwata ta’ kuljum iżda żiedet tgħid li hemm l-għajnuna u biż-żmien titgħallem ukoll iktar dwar l-importanza li ssib ħin għalik innifsek. Hija qalet li dan huwa importanti għax bħala infermiera jew tabib l-ewwel trid tkun stabbli int biex tkun tista’ tkompli bil-ħidma tiegħek kif suppost u kif jixraq.

“Għandna napprezzaw iktar il-ħajja u lil xulxin”

Sherehan qalet li din l-esperjenza tfisser ħafna għaliha. “Meta ggradwajt kont naf għal xix dieħla. Kont naf li x-xogħol ta’ infermiera mhux xogħol faċli u li l-professjoni trid tkun ġewwa fik li tgħin lil min ikun fil-bżonn u tgħin lill-marid. Pero jien għandi l-mentalità li taf kemm taf, qatt ma jkun biżżejjed. Huwa tajjeb li titgħallem xi ħaġa ġdida ta’ kuljum. Għalhekk b’dan li qed jiġri madwarna tgħallimt ħafna. L-ewwel ħaġa hi li qatt m’għandna nieħdu xejn u ħadd qisu xejn mhu xejn u għandna dejjem nirringrazzjaw lil Alla ta’ kuljum malli niftħu għajnejna għaliex quddiema għandna ġurnata oħra… meta ħaddiehor jaf ikun tilef il-battalja mal-ħajja. Nemmen li għandna niefqu ngergru għal kull ħaġa ta’ xejn u napprezzaw iktar il-ħajja u lil xulxin,” qalet Sherehan.

“Kulħadd irid jagħmel sagrifiċċju… nirrabjaw meta naraw in-nies joħorġu qisu xejn mhu xejn”

Sherehan qalet li n-nies li għadhom qed joħorġu qisu xejn mhu xejn iridu jifhmu minn dak li ċertu pazjenti huma għaddejjin apparti wkoll dak li għaddejjin minnhu l-infermiera u t-tobba. Hija qalet li meta jaraw in-nies jibqgħu joħorġu qisu xejn mhu xejn tirrabja għaliex huma bħala professjonisti tas-saħħa qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu f’din il-pandemija iżda hemm nies mill-pubbliku li għadhom mhux qed jikkoperaw skont id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Aħna tlaqna l-familja tagħna u naħdmu sigħat twal. Qed nagħmlu dan kollu biex inkunu hemm għall-pazjenti tagħna u hemm nies li qas qed japprezzaw xogħolna. Nifhem li jiddejqu ġewwa imma jridu jifmhu wkoll dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa huwa għall-ġid ta’ kulħadd biex il-virus ma jkomplix jinfirex u kollox jirritorna lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun. Kulħadd irid jagħti sehmu u kulħadd irid jagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju bħalma qed nagħmel jien li ninsab ‘il bogħod minn ommi u ħuti u l-kumplament tal-familja. L-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu hija li joqgħodu ġewwa f’darhom mal-familja tagħhom,” temmet tgħid Sherehan.

Ekonomija

Sport