Sunday, May 19, 2024

IL-KONTRIBUT TA’ ĦADDIEMA BARRANIN FL-EKONOMIJA

Aqra wkoll

Ftit jiem ilu l-Uffiċċju Nazzjoinali tal-Istatistika ippubblika ċifri li juru li l-qgħad f’pajjiżna niżel taħt l-elf. Qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma rajna riżultati pożittivi daqs dawn fis-suq tax-xogħol. Riżultati dawn li jixhdu li x-xogħol illum jiġri wara l-ħaddiema u mhux bil-kontra. 

U dan il-fattur, minkejja li huwa pożittivi, qed ikollu konsegwenzi għax mhux jinstabu biżżejjed ħaddiema Maltin jew ħaddiema kwalifikati għall-impjiegi ġodda li qed jinħolqu. Iktar u iktar meta illum qed naraw negozji jespandu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

Għalhekk f’dan il-kuntest, pajjiżna qed ikollu jinġaġġa ħaddiema barranin, ħaddiema minn stati membri tal-Unjioni Ewropea u anki minn pajjiżi oħra. U dan, pajjiżna llum ma jistax ma jagħmnlux għaliex ikun inutli li nippruvaw inressqu lejn pajjiżna investment barrani dirett jekk  imbagħad ma jkollniex ħaddiema biżżejjed lesti għalih. 

Dan ngħiduh ukoll f’kuntest li allaħares ma kienx hawn ħaddiema barranin jaħdmu partikularment fis-settur finanzjarju u f’setturi ekonomiċi oħra għaliex kieku dawn is-setturi tant importanti għall-ekonomija ma kienux jiksbu is-suċċess li kisbu.

Anki jekk inħarsu lejn is-settur tas-saħħa ukoll naraw li hemm il-ħtieġa ta’ ħadddiema barranin, partikularment infermiera u carers u dan il-bżonn jinħass iktar fil-beraħ meta f’pajjiżna qed niffaċċjaw nuqqas ta’ infermiera f’kull livell. 

Iżda mhux kulħadd, għal raġunijiet tiegħu, politiċi u m’humiex, qed japprezza li hawn problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’diversi setturi ekonomiċi mhux l-inqas fis-settur tal-ospitalita. Għad hawn min għadu ossessjonat u jemmen b’mod inġust illi l-Gvern Laburista qed jibni u jibbaża l-ekonomija fuq il-ħaddiema barranin.

Għadna ma nistgħux nifhmu dan x’argument hu. Għax hija loġika li iktar ma tikber l-ekonomija iktar se jkun hemm bżonn ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol eżistenti kif ukoll dawk ġodda li qed jinħolqu. 

Għalhekk, fil-fehma tagħna, min jibqa jsostni li ekonomija nazzjonali hi mibnija biss fuq il-ħaddiema barranin mhux biss hu żbaljat għall-aħħar u m’għandux idea ta’ kif taħdem ekonomija ta’ pajjiż imma wkoll li l-kritika tiegħu mhix ibbażata fuq ir-razzjonalita..

Huwa kollu minnu li bil-ħaddiema barranin il-popolazzjoni Maltija kibret sew u forsi hawn min jilmenta li dan il-fatt qed ipoġġi taħt pressjoni bla bżonn l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan l-argument jista jkun raġunat iżda hawn tidħol l-għażla bejn jekk irridux li jkollna ekonomija reżiljenti u b’hekk jitjiebu l-benesseri tal-familji Maltin jew staġnar ekonomiku biex ma jkunx hemm pressjoni infrastrutturali.

Nemmnu li f’dan il-każ għandu jkun hemm bilanċ bejn it-tnejn għax nemmnu wkoll li pajjiżna ma jistax jissagrifika waħda biex ma joħnoqx lill-oħra. Nifhmu wkoll li l-Gvern se jkompli għaddej biex dan il-bilanċ ikun sostnut.

Sport