Saturday, December 21, 2024

Il-kontroll jibqa’ prinċipju ewlieni li jħaddan il-Gvern fil-kwistjoni tal-ħaddiema barranin

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li fl-ekonomija l-Gvern wasal biex jagħmel il-qabża li jmiss.  Meta kien f’Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru qal li b’ekonomija b’saħħitha, għandna l-lussu u l-privileġġ li nistgħu ngħażlu l-kwalità fuq il-kwantità.

Sostna li fuq nett tal-prijoritajiet tal-Gvern hemm il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin u ħabbar li sal-aħħar ta’ din is-sena, f’pajjiżna se titnieda l-labour migration policy li hija tant importanti biex tiġi ndirizzata din ir-realtà li qed jiffaċċja l-pajjiż.  Spjega kif din hija l-ewwel policy tax-xorta tagħha u se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika. 

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa kommess li jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex jissaħħu r-regolamenti, l-ordni u l-kontroll, mingħajr ma jkun hemm impatt fuq l-ekonomija.  Fisser kif il-pożizzjoni tal-Gvern hi li jidħlu biss f’pajjiżna dawk li s-suq tax-xogħol għandu verament il-ħtieġa ġenwina għalihom. 

Irrefera għal diversi tibdiliet li daħlu fis-seħħ, fosthom bir-riforma tat-temping agencies, bil-Prim Ministru kompla jgħid li din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni staqsiet kif ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.  Qal li meta l-Gvern ġie għall-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma, lill-Partit Nazzjonalista ma ssibux. 

Il-Prim Ministru fakkar kif fl-2013, Gvern Laburista telaq minn pożizzjoni differenti għal kollox, iżda llum b’ekonomija b’saħħitha, jista’ jagħżel x’jaqbel lil dan il-pajjiż, x’jaqbel lill-poplu, u x’jaqbel lill-futur taż-żgħażagħ u t-tfal.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-prestazzjoni ta’ Glenn Micallef li ddeskrivieha bħalha eċċellenti.  Sostna li minkejja li l-Oppożizzjoni qed tgħid li temmen fiż-żgħażagħ, l-ewwel ħaġa li għamlet meta sar magħruf li Glenn Micallef kien ser ikun il-Kummissarju nominat għal pajjiżna, ippruvat iċċekken in-nomina tiegħu. 

Żied jgħid li l-Oppożizzjoni kienet qed tisħaq li Glenn Micallef kien għadu żgħir u ma kellux esperjenza, u li saħansitra ma kienx ser jgħaddi mill-grilling, iżda r-realtà qal uriet li Micallef għadda b’suċċess kbir. 

Il-Prim Ministru qal li għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Gvern Laburista jemmen bis-sħiħ fiż-żgħażagħ tant li ħoloq il-Youth Advisory Forum, li huwa kabinett magħmul miż-żgħażagħ li jiltaqa’ kull xahar, u li qiegħed jgħin lill-Gvern fit-tfassil tal-politika tiegħu.

Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista għandu responsabilità li jkompli jidħol għaliha b’umiltà, li jifhem l-isfidi u jwieġeb b’aktar ħidma sabiex jindirizza r-realtajiet tan-nies.

Ekonomija

Sport