Monday, December 9, 2024

Erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li heżżeż tarbija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 37 sena kien ikkundannat erba’ snin priġunerija wara li l-Qorti sabitu ħati li heżżeż lit-tarbija tas-sieħba li kellha għaxar xhur u li konsegwenza ta’ dak illi għamilllha l-akkużat, din sofriet minn xi ksur u tbenġil f’diversi partijiet ta’ ġisimha.

Fil-Qorti ġie spjegat li l-każ seħħ f’Settembru tal-2014, meta tobba fl-Isptar Mater Dei infurmat lill-Pulizija li kienet iddaħħlet tifla bi ġrieħi gravi f’rasha. Il-Pulizija ħadet azzjoni immedjata u marret l-Isptar, fejn hemmhekk sabet li t-tarbija kienet qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Ġie spjegat li fl-Isptar kien hemm omm it-tarbija u s-sieħeb tagħha u li meta l-Pulizija tkellu mas-social workers, dawn qalulhom li kienuqed isegwu l-familja peress li xi xhur qabel kien hemm rapporti dwar iż-żewġt itfal l-oħra tal-omm.

L-investigazzjonijiet wasslu għall-arrest tas-sieħeb tal-omm, fejn tressaq fil-Qorti u kien mixli bl-attentat ta’ qtil tat-tarbija, li kkaġunalha ġrieħi gravi, li ħaqar tfal taħt it-12-il sena u li kellu fil-pussess tiegħu l-kannabis.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tressqu diversi xhieda fosthom, Pulizija, social workers u tobba li kienu involuti fil-każ. Irriżulta li l-omm u s-sieħeb tagħha kienu ilhom biss xahrejn f’relazzjoni. Il-pulizija li investigaw il-każ qalu li meta kellmu lir-raġel, dan qalilhom li kienet il-mara li heżżet lit-tifla tagħha, liema akkużi ġew miċħuda mill-omm.

Mix-xhieda tas-social worker ħareġ li minn spezzjoni illi saret fid-dar tal-koppja, instab li kien hemm ħmieġ tal-kelba tal-akkużat mal-art, irmied tas-sigaretti f’diversi kmamar u ikel immuffat. Spejgat li t-tifla qiegħda taħt ordni tal-ħarsien u tgħix f’istitut tat-tfal. L-omm ukoll tressqet il-Qorti, fejn instabet ħatja dwar nuqqasijiet fejn jidħlu l-kura tat-tfal u tpoġġiet taħt probation.

Tabiba tat-tfal xehdet li meta inviżtat lit-tifla sabet li minn X-ray irriżulta li kellha ksur fis-sieq tal-lemin, tbenġil fl-irkoppa tax-xellug, ksur fix-xellug tar-ras, demm bejn l-iskutella tar-ras u l-moħħ u demm fir-retina ta’ għajnejha. Hija kkonkludiet li l-ġrieħi kienu kompatibbli ma’ dak li jissejjaħ ‘shaken baby syndrome’ fejn tarbija tiġi mheżża għalkemm żiedet li t-tifla rkuprat minn dak li ġralha.

Il-verżjoni tagħha kienet konfermata wkoll minn tobba oħra li xehdu dwar il-ġrieħi li sofriet it-tifla.

Wara li semgħet ix-xhieda, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-akkużat ħati li kkaġuna feriti gravi lit-tarbija u b’moħqrija ta’ tfal.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li l-provi mressqa mill-prosekuzzjoni jwassluha għall-konklużjoni li kien ir-raġel li kkaġuna ġrieħi gravi lit-tifla meta heżżiżha.

Kien għalhekk li sabitu ħati u kkundannatu 4 snin ħabs waqt li ordnatlu jħallas €2,000 fi spejjeż tal-kawża.

Ekonomija

Sport