Saturday, October 26, 2024

Il-kontroll tal-inkjesta b’rabta mal-inċidenti se jibqa’ f’idejn il-Maġistrat

Il-Ministru Attard favur riformi biex ssir ġustizzja effettiva u fi żmien raġonevoli

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kontroll tal-Inkjesta jibqa’ dejjem f’idejn il-Maġistrat u bl-ebda mod ma huwa qiegħed jiġi propost illi l-OHSA tieħu f’idejha l-Inkjesti Maġisterjali jew li torbot lill-Maġistrat. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li lbieraħ ngħalqet id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-kodiċi kriminali biex l-uffiċjali tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ikunu parti mill-inkjesti maġisterjali fejn ikun hemm inċidenti.

Il-Ministru Attard qal li normalment bħala pajjiż nixxukkjaw ruħna quddiem ċertu inċidenti iżda wara ftit donnu kollox qisu jmut u l-ħajja tkompli anke minħabba dewmien fil-proċess tal-investigazzjoni.

Attard kompla biex jispjega dwar is-sitwazzjoni bħalissa u li meta jseħħ inċident fuq il-post tax-xogħol fejn persuna titlef ħajjitha jew tkun fil-periklu tal-mewt, il-pulizija tagħmel it-talba biex tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali. Dan isir skont il-Kodiċi Kriminali u l-inkjesta titmexxa minn Maġistrat li jkun tal-Għassa fil-ġurnata tal-inċident. Meta persuna titlef ħajjitha, il-Maġistrat huwa obbligat li jmur hu stess biex jagħmel l-aċċess. F’każ ta’ inċidenti fejn m’hemmx telf ta’ ħajja, il-Maġistrat jista’ jordna li jkunu l-Pulizija jew l-esperti li jaħtar li jagħmlu l-aċċess min-naħa tagħhom.

L-Awtorita dwar is-Saħħa u s-Sigurta fuq il-post tax-Xogħol (l-OHSA) għandha wkoll l-obbligu li tinvestiga l-istess inċidenti bl-iskop li jkun determinat jekk l-inċidenti seħħewx b’riżultat ta’ negliġenza jew bin-nuqqas t’osservanza tal-liġijiet marbuta mas-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xoghol.

Il-Ministru kompla biex jgħid li meta l-esperti f’dan il-qasam min-naħa tal-OHSA jmorru biex jinvestigaw, hemm każi fejn isibu Maġistrat li jikkopera u jagħtihom aċċess u oħrajn li l-approċċ tagħhom ikun differenti. Sostna li l-inkjesti jeħtieġ li jimxu flimkien u mhux kontra xulxin.

Innota wkoll li l-maġġoranza assoluta tal-inkjesti mmexxija minn dawn il-persuni kompetenti kienu qegħdin jieħdu biss ftit ġimgħat. Madanakollu s’issa kellek ċirkostanzi fejn il-konklużjonijiet ma kinux kompatibbli minħabba li l-inkjesti jsiru indipendentement minn xulxin.

“Waħda tgħid illi hemm każ li xi ħadd jirrispondi fil-Qorti u l-oħra tgħid li m’hemmx. Aħna nemmnu li għandna noffru l-għoddod kollha neċessarji biex nassiguraw li l-ġustizzja ssir, u ssir fi żmien raġonevoli u ssir wara proċess xieraq. Il-vuċi ta’ awtorità kompetenti bħall-OHSA f’dawn l-inkjesti ħassejna li kien pass neċessarju”, tenna Attard.

Rigward allegazzjonijiet li l-OHSA m’għandhiex tingħata dan il-poter minħabba possibbiltà ta’ investigazzjonijiet li jistgħu jinkludu lilha stess, il-Ministru kkonferma li ċċekkja u rriżulta li fl-aħħar 40 sena ma kien hawn l-ebda każ simili.

Minkejja allegazzjonijiet oħra rigward emenda li se ttnaqqar l-indipendenza u l-investigazzjoni l-Ministru kien ċar u qal li d-deċiżjoni finali u l-kontroll tal-andament tal-Inkjesta hija u se tibqa’ f’idejn il-Maġistrat. Madanakollu huwa saħaq li ma jagħmilx sens li l-OHSA ma tipparteċipax u ma tinstemax. 

Attard temm jgħid li mingħajr ma jixħet lill-membri tal-Oppożizzjoni f’keffa waħda, uħud minnhom tagħtihom ferneżija quddiem l-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet maħsubin biex il-gvern jassigura li ssir ġustizzja effettiva u fi żmien raġonevoli.

Temm jgħid li filwaqt li oħrajn saħansitra ddubbitaw mill-integrità professjonali tal-OHSA, ħadd mhu se jitħalla jwaqqaf lil dan il-gvern milli jkompli jieħu deċiżjonijiet favur iċ-ċittadini.

Sport