Friday, March 28, 2025

Il-Koppja Maltija Henry u Inez Casolani fil-proċess għall-Qdusija 

Aqra wkoll

Il-Knisja minn żmien għal żmien tiddikkjara lil xi ħadd qaddis sabiex l-Insara jkollhom mudell ta’ gwida kif l-aħjar wieħed jgħix il-valuri nsara u finalment hu wkoll jiltaqa’ ma’ Alla.

Tkellimna ma’ Stephanie Quintano li flimkien ma’ żewġha qed jaħdmu bis-sħiħ favur il-kawża ta’ kanonizzazzjoni biex il-koppja Maltija Henry u Inez Casolani jaslu għall-Qdusija, għax jaraw fihom elementi ta’ qdusija.

Hija tatna l-ewwel ftit informazzjoni dwar din il-koppja, fosthom li Henry Casolani mwieled il-Belt Valletta fl-1917 u kien tgħammed fil-knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt stess, filwaqt li Inez twieldet f’Bormla u tgħammdet fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla.

Stephanie tispjega li “t-tnejn li huma kellhom imħabba kbira lejn il-Madonna, infatti Henry Casolani, l-aħħar kliem tiegħu qabel ma miet, filwaqt li dar lejn il-Madonna qal talba: Madonna ħenn għalija”.


Inez kienet għalliema qabel ma żżewġet, u kienet tagħti l-privat filgħaxijiet għal dawk li huma fil-bżonn u dan kienet tagħmlu mingħajr ebda ħlas, filwaqt li wkoll skont Stephanie “kienet anke tat xi privat b’karità u bla ħlas lill-ġuvintur li kienu jersqu għall-eżami tad-dockyard, u wara l-lezzjoni kienet tgħidilhom biex jgħidu r-rużarju, u kienet anke tiġbor xi tfajliet fil-parapett tagħha biex joqogħdu jgħidu r-rużarju.”

Kienet ukoll tħeġġeġ lil sħabha biex jagħmlu vista lil Ġesù sagramentat, u dan kienet tagħmlu anke minn età żgħira.


Dan jixhed l-imħabba u d-devozzjoni li dawn il-koppja kellhom lejn il-Madonna, u fil-fatt wara li dawn it-tnejn kienu żżewġu kienu għamlu wegħda mal-kappillan ta’ San Duminku tal-Belt, Patri Ġijaċintu Darmanin biex flimkien jgħidu r-rużarju kuljum, għall-għaqda fil-familja u għall-paċi fid-dinja, u din il-wegħda baqgħu jagħmluha sal-aħħar ta’ ħajjithom, tant li kif tgħid Stephanie “qatt ma fallew, u nafu dan kemm mid-djarji u kemm mit-testimonjanzi tan-nies.”


Din il-koppja kienet iżżewġet fil-knisja ta’ Santu Wistin tal-Belt, u huma midfunin hemmhekk stess. Baqgħu jgħixu ġewwa l-belt Valletta u minn mindu żżewġu sal-1964 kienu baqgħu joqogħdu hemm fil-parroċċa ta’ Santu Wistin.

Wara kienu marru joqogħdu Gwardamanġa fejn damu hemmhekk għoxrin sena sħaħ. Mis-sena 1984 sad-data tal-mewt tagħhom kienu marru joqogħdu mas-sorijiet ta’ San Ġużepp ġewwa r-Rabat.


Stephanie tispjegalna li dawn malli żżewġu “kienu ntrabtu ħafna mal-Ispiritwalità Agostinjana, dik li hi tfittxija għal Alla fl-ambjenti kollha u li tgħix b’ruħ waħda u qalb waħda ma’ Alla.” Huma għaldaqstant kienu saru Terzjarji Agostinjani, u meta mietu ndifnu fiċ-Ċimiterju ral-Addolorata, fis-sessjoni tat-Terzjarji Agostinjani, iżda qed isiru xi arranġamenti, fil-fatt hemm djalogu mal-Arċisqof ta’ Malta biex dan il-qabar jittieħed mill-Addolorata għall-knisja ta’ Santu Wistin il-Belt.


Din il-koppja kellhom tifla waħda, Cecilia Mary li “huma rabbew fl-għożża u l-imħabba ta’ Alla, kienet tmur il-Quddiesa magħhom kuljum, jaqrawlha stejjer mill-Bibbja, ikellmuha fuq il-Qaddisin, u anke kienu kitbulha talb addattat apposta għaliha biex hi titgħallem, bħal eżempju:


‘O Ġesù jiena noffri din it-tqarbina tiegħi
Bi tpattija għal dawk li ma jridux ikunu ħbieb tiegħek.”
It-tifla Ċeċilja meta kellha 19-il sena ħasset il-vokazzjoni reliġjuża u daħlet mas-sorijiet ta’ San Ġużepp. Minkejja li din kienet tifla unika, il-ġenituri ma sabu l-ebda oġġezzjoni anke meta kienu bagħtuha dirett fi Franza għan-novizzjat tagħha u kellhom jinfirdu minn magħha.


Żgur li din il-koppja huma mudell bħala familja, għax għalkemm għaddew minn diffikultajiet, bħal eżempju fejn tidħol id-dar, problemi finanzjarji, tqis li għexu matul il-gwerra, batew anke fejn tidħol is-saħħa, għax eżempju Ineż stess kellha ħafna problemi fiżiċi, fosthom tal-qalb, imma hi kienet tgħid “jiena naċċetta mill-qalb dak kollu li Alla jibgħatli!” Henry wkoll meta ħa l-aħbar tal-mewt ta’ oħtu u ħadha bi kbira kienet żviluppatlu d-dijabete tant li l-vista tiegħu naqset sew. Iżda snin wara bl-interċessjoni tal-Beata Adeodata Pisani l-vista tiegħu reġgħet ġiet lura normali mingħajr l-ebda spjegazzjoni medika.


Stephanie spjegat aktar fid-dettall dwar il-qalb tajba li kellhom din il-koppja, affarijiet żgħar li jista’ jagħmilhom kulħadd, tant li l-Arċisqof fil-ftuħ tal-kawża tagħhom għall-kanonizzazzjoni, jgħid li dawn it-tnejn “kienu l-balzmu li dewwew il-feriti ta’ tant qlub imweġġgħin.”

Dawn għamlu affarijiet bħal ngħidu aħna Inez, li dak iż-żmien il-mara ladarba tiżżewweġ ikollha tieqaf taħdem, kienet xorta waħda tgħin lill-istudenti wara l-ħin tal-iskola billi tagħti l-privat u dan b’mod volontarju, tant li “kienu jsibu t-tieni omm fiha għax ħafna kienu jiftħu qalbhom magħha u hi kienet tagħti l-għajnuna spiritwali lil dak li jkun b’qalbha kollha.”


Inez kienet ukoll tipprepara affarijiet nutrittivi lil dawk in-nies fi triqthom lejn l-Isptar biex iżuru xi pazjent, peress li kienet toqgħod viċin l-isptar. Mhux l-ewwel darba li kienet tmur l-isptar hi stess ukoll, iżżur lill-morda, iddur bihom, u toqgħod tkellimhom, u dan anke meta hi stess kienet tkun muġugħa.

Tant kienu qalbhom tajba li meta mara ħabiba tagħhom kienet mardet, huma kienu żammew lit-tifel tagħha magħhom fid-dar u kienu baqgħu jieħdu ħsiebu għal xi żmien.


Henry kien ukoll magħruf bħala “l-Appostlu tal-Paċi, għax kien iġib paċi kull fejn kien ikun, u toħroġ l-umiltà tiegħu għax qatt ma qal kelma kontra ħadd, kelma ħażina jew xi darba ġġudika lil xi ħadd.”

Dawn it-testimonjanzi juru l-ferħ li kienu jwasslu din il-koppja, “ferħ anke mit-tbissima tagħhom, anke tara r-ritratti tagħhom, tkun taf li kienu muġugħin, imma baqgħu xorta bit-tbissima fuq fommhom, tant li l-konsulenti baqgħu immeraviljati li anke jekk bl-uġigħ huma baqgħu xorta jiġġeneraw il-paċi u l-ferħ fost l-oħrajn.”


Ftit mumenti qabel ma mietet Inez ukoll kienet lissnet l-aħħar kliem devoti tagħha u kitbet kelmtejn dwar Alla. Huma fehmu li jekk Ġesù qed isejħilhom għall-ħajja nisranija, u “jekk iridu jwieġbu lil Ġesù, iridu jpoġġuh l-ewwel post fil-ħajja tagħhom, u dan jixhduh sħabhom u kull min iltaqa’ magħhom għax dejjem kienu jpoġġu lil Ġesù fl-ewwel post fil-ħajja tagħhom, tant li dawk ta’ madwarhom kienu jkunu mmeraviljati u jqisu lil kulħadd bħala ħabib.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport