Friday, May 17, 2024

Il-Kor tal-Parroċċa ta’ San Gwann Battista ta’ Knaresborough ta’ North Yorkshire ikanta fil-Bażilka tax-Xagħra

Aqra wkoll

Bl-inizjattiva tal-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni, dan il-Kor l-ewwel kanta fil-Knisja parrokkjali ta’ Bormla u nhar il-Ġimgħa filgħaxija 22 ta’ April ħa sehem fil-Kunċert tal-Għid li ta’ kull sena jorganizza l-JP2 Foundation.  Dan il-kor li ta’ kull ġimgħa jieħu sehem fil-knisja parrokkjali tiegħu, kanta f’diversi Katidrali fir-Renu Unit u ppreżenta kunċerti wkoll barra minn pajjiżu.  Fil-Bażilka tax-Xagħra ta kunċert ta’ mużika Sagra taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali tiegħu Mark Hunter u l-organista James Lonsdale.

Il-kor fetaħ il-kunċert tiegħu li għalih kienu preżenti fost l-oħrajn l-Arċipriet tal-Parroċċa Mons Karm Refalo, membri mill-Kunsill Lokali kif ukoll għadd sabiħ ta’ parruċċani u xi barranin, billi kanta tliet biċċiet marbuta mal-Avvent li kienu ‘Hymn to the Virgin’ ta’ Benjamin Britten (1913-1976), ‘Lully, Lulla, Lulay’ ta’ Philip Stopford (b. 1977), u ‘When to the temple Mary went’ ta’ Johannes Eccard (1533-1611).  Kien imiss imbagħad li l-kor ikanta xi biċċiet marbuta mal-Għid li kienu jinkludu ‘God so loved the World’ ta’ John Stainer (1840-1901), ‘This joyful Eastertide’ ta’ Charles Wood, ‘Organ Solo’ miktuba minn Johann Sebastian Bach li kienet esegwita mill-organista tal-Kor  James Lonsdale, u ‘Blessed be the God and Father’ ta’ Samuel Sebastian Wesley (1810-1876).

Il-Kor mill-Parroċċa ta’ San Gwann Battista fi Knaresborough, North Yorkshire temm il-kunċert tiegħu billi semmagħlna ‘God is gone up’ ta’ Arthur Hutchings (1906-1989), ‘Come Holy Ghost’ ta’ Thomas Attwood (1765-1838), ‘Locus Iste’ ta’ Anton Bruckner u ‘O Quam Gloriosum’ kompożizzjoni ta’ Tomas Luis de Victoria (1548-1611).

Fi tmien il-Kunċert Monsinjur Arċipriet ippreżenta għadd ta’ kopji dwar il-Bażilka ta’ Maria Bambina, The Basilica of the Nativity of Our Lady – A Monument to Faith and Devotion, ta’ Daphne Sant Caruana, lid-Diretturi tal-Kor u lill-Fundatur tal-JP2, il-Komm Charles Zammit, li tant ħadu gost bihom.

Nhar is-Sibt li ġej, 29 ta’ April, il-JP2 Foundation se tkun qed tippreżenta kunċert ieħor, din id-darba fil-Knisja Arċipretali tal-Qala bis-sehem tal-Echo String Ensemble.  Il-ħin ikun fis-7.30pm u l-pubbliku huwa mistieden.

Sport