Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un u l-uffiċjali għoljin qegħdin jippreparaw li jagħtu għajnuna lil madwar 800 familja li jidher li qegħdin isofru minn epidemija ta’ marda intestinali li s’issa għadha mhix magħrufa x’inhi eżatt. Dan qiegħed iseħħ fl-istess waqt li l-pajjiż qiegħed jesperjenza diffikultajiet kbar minħabba l-ewwel imxija tiegħu tal-Covid-19.
Kien iktar kmieni din il-ġimgħa li l-midja tal-Korea ta’ Fuq qalet li l-pajjiż qiegħed jiffaċċja “epidemija enterika akuta”. Il-midja ma elaboratx iktar, iżda t-terminoloġija “enterika” tirreferi għall-passaġġ gastrointestinali.
Il-midja tal-istat KCNA qalet li, “l-uffiċjali qed jippreparaw mediċini, ikel u anke neċessitajiet ta’ kuljum biex jingħata trattament għal din l-epidemija u għajnuna lil dawk il-persuni affettwati fil-belt ta’ Haeju u l-provinċja Kangryong.” KCNA kompliet tgħid li l-mexxej Kim Jong Un sejjaħ lill-uffiċjali u talabhom biex jaqdu dmirhom bl-aħjar mod li jistgħu ħalli jitnaqqsu kemm jista’ jkun is-sofferenzi tal-poplu.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tas-saħħa tal-Korea t’Isfel qalu li huma qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi li għaddejjin ġewwa l-Korea ta’ Fuq u qalu li huma qed jissuspettaw li dak li qed iseħħ hija kawża ta’ mxija ta’ kolera jew tifojde.