Wednesday, January 8, 2025

Il-Korea ta’ Fuq tittestja missila ġdida

Aqra wkoll

Il-Korea ta’ Fuq qalet li ttestjat missila ballistika ġdida ta’ medda intermedja ipersonika li tista’ tolqot kwalunkwe rivali fir-reġjun tal-Paċifiku. Il-missila ġiet sparata nhar it-Tnejn, l-ewwel waħda f’xahrejn, u saret hekk kif is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken kien f’Seoul għal taħditiet ma’ wħud mill-mexxejja ewlenin tal-Korea t’Isfel.

L-armi ipersoniċi huma aktar diffiċli biex jiġu intraċċati u jisparaw ’l isfel, peress li għadhom kapaċità li jivvjaġġaw b’ħames darbiet aktar mill-veloċità tal-ħoss.

Il-militar tal-Korea t’Isfel qal li l-missila ttellgħet f’għoli ta’ 1,100km qabel waqgħet fil-baħar, u żied jikkundanna bil-qawwa dan l-“att ċar ta’ provokazzjoni mill-Korea ta’ Fuq”.

Ritratti ppubblikati mill-aġenzija tal-aħbarijiet statali KCNA wrew li l-missila ta’ nhar it-Tnejn kienet tixbah ħafna lil waħda li ġiet ittestjata f’April tas-sena l-oħra. 

Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un ġie kwotat li qal li t-tnedija tat-Tnejn uriet b’mod ċar lir-rivali x’qed jagħmel pajjiżu u li jinsab lest bis-sħiħ li juża kwalunkwe mezz biex jiddefendu l-interessi leġittimi tal-Korea ta’ Fuq. 

Filwaqt li l-armi ipersoniċi ilhom jeżistu għal għexieren ta’ snin, f’dawn l-aħħar snin ġew żviluppati missili ġodda li għandhom ħafna aktar aġilità u jistgħu jerġgħu jidħlu fl-atmosfera ħafna aktar malajr u jwettqu manuvri evażivi, skont iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Armi u n-Non-proliferazzjoni.

Madankollu, missili ipersoniċi jistgħu jiġu skoperti minn sensuri bbażati fl-ispazju. Diversi rapporti jissuġġerixxu li hemm teknoloġija eżistenti li tista’ tinterċetta missili ipersoniċi minkejja t-trajettorji imprevedibbli tagħhom.

F’Seoul nhar it-Tnejn, Blinken qal li l-Istati Uniti temmen li r-Russja qed tippjana li taqsam it-teknoloġija spazjali u satellitari avvanzata tagħha mal-Korea ta’ Fuq.

Żied jgħid li Moska tista’ tkun viċin li treġġa’ lura l-impenn tagħha ta’ għexieren ta’ snin biex tiddinuklearizza l-peniżola Koreana billi tirrikonoxxi lil Pyongyang bħala qawwa nukleari.

Matul iż-żjara tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan iltaqa’ mal-aġent President tal-Korea t’Isfel Choi Sang-mok, fejn iddeskriva l-alleanza bejn Washington u Seoul bħala pedament ta’ paċi u stabbiltà fil-peniżola Koreana.

Il-militar tal-Korea t’Isfel qal li saħħaħ is-sorveljanza għat-tnedija ta’ missili futuri tat-Tramuntana u qed “jaqsam mill-qrib l-informazzjoni” mal-Istati Uniti u l-Ġappun.

It-tnedija tal-missila mill-Korea ta’ Fuq seħħet fost kaos politiku fil-Korea t’Isfel li ilu jaħkem lill-pajjiż għal ġimgħat sħaħ wara l-attentat tal-President Yoon Suk Yeol li jimponi liġi marzjali.

Yoon, li tneħħa mis-setgħat presidenzjali tiegħu wara vot fil-parlament, issa qed jiffaċċja arrest u l-qorti kostituzzjonali qed tiddelibera wkoll jekk għandux jitneħħa għal kollox mill-kariga.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport