Friday, December 13, 2024

“Il-Korp ma jistax jimponi refertimenti fuq l-uffiċjali tiegħu”

Il-każ tat-tliet Pulizija li nstabu pożittivi għall-kokaina…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Riċentement tliet uffiċjali tal-Pulizija rreżenjaw mill-Korp wara li nstabu pożittivi għad-droga kokaina. Dawn il-pulizija għażlu li jinżgħu l-unformi wara li ġew infurmati li se jkollhom jiffaċċjaw proċeduri dixxiplinarji. Magħhom kien hemm uffiċjal ieħor li din id-darba nstab li kien taħt l-effett tal-alkoħol waqt il-ħin tax-xogħol. 

Il-pulizija inkwistjoni nstabu bi problema ta’ abbuż ta’ sustanzi li għalihom tista’ tkun effettiva kura u trattament biex joħorġu mill-vizzju. Rigward dan, Talk.mt għamel kuntatt mal-Korp tal-Pulizija bil-għan li naraw jekk f’każijiet bħal dawn il-Korp joffrix xi tip ta’ assistenza biex min jinqabad jabbuża jiġi mgħejjun joħroġ mill-vizzju. Fil-mistoqsijiet tagħna staqsejna wkoll jekk minflok tkeċċija, uffiċjali tal-pulizija milquta jingħatawx xogħol ieħor fis-servizz pubbliku differenti. Fl-aħħarnett staqsejna jekk f’każ li dawn it-tliet pulizija ma kienux jaslu li jirreżenjaw b’mod volontarju, kienx il-Korp jasal biex jieħu passi għat-tkeċċija tagħhom.

Il-kelliem tal-Korp ikkonferma li dawn it-tliet pulizija “volontarjament għażlu li jirriżenjaw mill-Korp tal-Pulizija”. Rigward kura jew trattament għall-vizzju qalilna li normalment l-Uffiċju tal-Professional Standards, li jamministra dawn it-testijiet flimkien mal-Uffiċju Mediku tal-Korp, jirrakkomanda lill-membri tal-Korp biex jirrikorru għas-servizzi li joffri l-ESP (Employee Support Programme) fi ħdan l-OPM. 

“F’dan il-każ ukoll, il-Korp ma jkunx jista’ jimponi riferimenti (referrals) fuq l-uffiċjali tiegħu u kwalunkwe kuntatt li jsir bejn l-uffiċjali konċernati u l-ESP jibqgħu kunfidenzjali kif speċifikat fil-Wellbeing Policy tal-Korp li ġiet ippubblikata l-ewwel darba f’Awwissu 2021,” temm il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija.

Ekonomija

Sport