Friday, May 3, 2024

“Baqa’ żgħażagħ li jaħsbu li l-mafja ġġib poter u rikkezza… trendilhom biss il-mewt u l-qerda ta’ ħajjithom”

Intervista ma’ oħt l-Imħallef Falcone maqtul mill-Mafja 30 Sena ilu

Aqra wkoll

Nhar it-13 ta’ Settembru 2016 jiena kelli x-xorti nintervista lill-Professoressa Maria Falcone, oħt l-Imħallef Giovanni Falcone, assassinat mill-Mafja fit-23 ta’ Mejju 1992. 

L-idea tal-intervista ġiet wara li l-Ispeaket Dr Anġlu Farrugia stedinni fl-uffiċju tiegħu fil-Parlament fid-9 ta’ Awwissu 2016, wara li jiena tlabtu iktar tagħrif billi mill-Aħbarijiet sirt naf li sena qabel kien mistieden għall-kommemorazzjoni tal-qtil ta’ Falcone f’Palermo. L-Ispeaker Farrugia qalli li kien mistieden għal din il-kommemorazzjoni minn oħt Falcone u ssuġġerieli li nintervistaha. 

Il-Professoressa Falcone aċċettat ġentilment li tagħtini din l-intervista. Dawn huma t-tweġibiet tagħha kif jidhru fil-ktieb tiegħi “Falcone u Borsellino, Żewġ Imħallfin li Sfidaw lill-Mafja” (2017) pubblikazzjoni Say It.

Professoressa Falcone, x’tifhem biha l-mafja? 

Il-mafja hija organizzazzjoni kriminali parastatali organizzata b’mod perfett, li għandha biss l-għan li tilħaq l-interessi proprji tagħha bi skapitu tal-ġid tal-Istat, taċ-ċittadini u ta’ ħajjithom. Kif dejjem ngħid liż-żgħażagħ li niltaqa’ magħhom fl-iskejjel, il-mafja għandha ħafna uċuh, imma l-wiċċ veru, dak aħrax, ta’ organizzazzjoni kriminali mingħajr skrupli, li toqtol irġiel, nies u tfal basta tafferma ruħha bil-poter tagħha u bil-loġika tagħha tal-business, ġeneralment huwa l-aħħar wiċċ li tikxef. 

B’xorti ħażina, baqa’ żgħażagħ li jaħsbu li l-mafja ġġib poter u rikkezza, meta dawn huma biss ftit mill-“benefits” li l-organizzazzjoni trendi lill-membri tagħha, għax fl-aħħar mill-aħħar trendilhom biss il-mewt u l-qerda ta’ ħajjithom. 

X’kienet il-mafja skont ħuk Giovanni Falcone? 

Nieħu pjaċir inwieġeb billi nfakkar x’kien qal Giovanni nnifsu fl-intervista ma’ Marcelle Padovani, ippubblikata f’Cose di cosa nostra: “Jekk irridu niġġieldu l-mafja b’mod effikaċi, ma rridux nittrasformawha f’mostru u lanqas naħsbu li hi xi qarnita jew kankru. Irridu naċċettaw li tixbahna.” Dan ifisser li lkoll kemm aħna ninsabu potenzjalment “avviċinabili” mill-mafjużi billi l-mafja għandha wkoll wiċċ “ġentili” li bih tippreżenta ruħha lilna, waqt li tavviċina ruħha lejn politiċi, amministraturi, funzjonarji pubbliċi, impjegati permezzi tal-pjaċiri u s-sistema tal-korruzzjoni. 

Li nkissru l-affinità u ż-“zone d’ombra” ta’ konvivenza mal-mafja huwa fundamentali biex nirbħu lill-mafja. Minħabba f’hekk, ħija dejjem insista li m’humiex biżżejjed il-forzi tal-ordni u l-maġistratura, iżda huwa essenzjali l-impenn ħaj taċ-ċittadini kollha.

Min qatel lil Giovanni Falcone? Il-mafja jew l-Istat? 

Il-mafja kellha kull interess li toqtol lil Giovanni. Il-pentito Buscetta diġà kien qal lil ħija waqt l-interrogatorju li hu seta’ jagħtih it-tagħrif kollu li jrid fuq il-mafja, u hekk Giovanni isir bniedem ta’ suċċess, imma hekk ikun fetaħ ukoll kont mal-mafja li kien se jingħalaq biss bil-mewt tiegħu. Buscetta staqsieh “trid tkompli?” U Giovanni wieġbu li iva. 

Il-mafja riedet il-mewt ta’ Giovanni u hu dan kien jafu, kien jgħix b’din iċ-ċertezza li kienet miegħu kuljum, imma ma kienx joqgħod lura. Fl-istat attwali tal-investigazzjonijiet, fil-Proċess Capaci bis, li ntemm f’Lulju 2016, il-pubblici ministeri ddikjaraw li l-eliminazzjoni tal-imħallfin Falcone u Borsellino kienet deċiża minn Cosa nostra waqt laqgħa tal-Kummissjoni Provinċjali mlaqqgħa minn Salvatore Riina f’Diċembru 1991. 

Il-Prosekutur Stefano Luciani fisser kif Giovanni Falcone inqatel “għall-attività tiegħu kontra l-mafja, billi uża metodi innovattivi u miss l-interessi ekonomiċi u finanzjarji. Il-kawża li skatenat il-pjan ta’ Cosa Nostra kienet imbagħad il-konferma fil-Qorti ta’ Cassazione tal-kundanni tal-Maxi processo”. Li ġiet ikkonfermata kienet il-preżenza ta’ interessi komuni, di fatto, fl-eliminazzjoni ta’ Giovanni bl-investigazzjonijiet tiegħu kien qed idejjaq ukoll ħafna imprendituri u società in appalto. 

Fl-istat attwali, m’hemmx provi għall-ipoteżi ta’ mandanti okkulti u naħseb jista’ jitqies bħala fatt dak li afferma l-Prokuratur tar-Repubblica ta’ Caltanissetta Sergio Lari, jiġifieri li jekk kien hemm trattativa bejn Stat u mafja din m’għandhiex tinftiehem li kien hemm mandanti esterni barra Cosa nostra għall-Istraġi ta’ Capaci u Via d’Amelio, u li dawn l-istraġi ġew deċiżi fi ħdan il-Kummissjoni Reġjonali ta’ Cosa nostra. 

Inħoss li għandi ngħid li rridu nkunu fiduċjużi fil-verità li l-investigazzjonijiet għad iridu joħorġu, attwalment qegħdin nitkellmu fuq il-bidu tal-Processo Capaci terzo. Ikun x’ikun ir-riżultat irrid nisħaq fuq kemm hu assolutament inopportun li l-Istat jista’ biss jaħseb li jinnegozja jew jagħmel ftehimiet ma’ strutturi u organizzazzjonijiet mafjużi. 

Għaliex Giovanni kien “eroj waħdu”? 

Giovanni kellu l-mertu li wera l-evidenza tal-eżistenza tar-realtà tal-mafja liċ-ċittadini Sqallin u Taljani. Sa tmiem is-snin sebgħin, kienu saħansitra jgħidu li l-mafja ma teżistix (biex hekk jagħmlu tassew pjaċir lill-mafja li setgħet taġixxi bla ma jfixkilha ħadd). Wara l-Maxiprocesso li  beda Giovanni mal-kollegi tiegħu tal-pool antimafja (l-ewwel parti saret bejn Frar 1986 u Diċembru 1987), kienu kkundannati għall-ewwel darba 360 akkużat li ħafna minnhom kienu boss mafjużi, mhux ħut żgħir. 

Grazzi għad-dikjarazzjonijiet tal-pentito Tommaso Buscetta, interrogat minn Giovanni Falcone qabel il-maxiprocesso, ma setgħux jgħidu iktar li l-mafja ma kinitx teżisti, anzi saru jafu fid-dettall kif kienet organizzata u l-metodi tagħha. 

B’xorti ħażina, mas-suċċess tal-investigazzjoni issieħbu mumenti ta’ solitudni: mhux biss dik fiżika tas-sagrifiċċju ta’ ħajja dejjem mgħasses mill-gwardji, il-firda minn ma’ kollegi u ħbieb maqtula mill-mafja, iżda fuq kollox l-iktar solitudni qarsa, dik tal-akkużi, bħal li ta kunfidenza żejda lill-pentito Buscetta, jew li kien “professjonista tal-antimafja” jew, l-akkuża li wara l-attentat tal-Addaura tal-21 ta’ Ġunju 1989, kien hu stess li arkitettah. 

Is-solitudini baqgħet takkumpanjah sal-aħħar snin ta’ ħajtu, kemm fil-Qorti ta’ Palermo, wara li l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura ma eleġihx kap tal-pool antimafja, li wara ġie fix-xejn, kif ukoll meta kien trasferit Ruma, fejn fittex li jeħodha kontra l-mafja bit-twaqqif tal-hekk imsejħa “superprocura”, terminu ġurnalistiku għad-Direzione Nazionale Antimafia, u akkużawh li bena niċċa ta’ poter għalih innifsu. Is-solitudni ma ħallietu qatt. 

Kif inhi s-sitwazzjoni llum f’Palermo? Fi Sqallija? Għad baqa’ mafja? Għadhom iħallsu pizzo? X’inhi d-differenza bejn il-mafja tal-lum u dik ta’ 25 sena ilu? Għaliex m’għadux ikun hemm “delitti eccellenti”? 

Il-mafja f’Palermo għadha hemm, imma mill-kundanni tal-Maxiprocesso din ħarġet inqas b’saħħitha. Iżda l-iktar importanti huwa li nbidel l-atteġġjament tan-nies ta’ Palermo, tal-aħjar nies tal-belt, fil-konfront tal-mafja. Wara Giovanni Falcone issa nafu li l-mafja tista’ tintrebaħ għax din hija “fenomenu uman u bħall-fenomeni umani kollha għandha bidu, l-evoluzzjoni tagħha u allura t-tmiem tagħha ukoll”, kif kien jgħid Giovanni. 

Inbidel ħafna mill-mewt ta’ Giovanni, flimkien magħna hemm ħafna assoċjazzjonijiet li jissieltu biex inisslu dejjem iżjed mentalità kontra l-mafja, bħal Addio Pizzo, Libera u realtajiet validi oħra li jiġġieldu kontra l-mafja. 

Sal-lum ma nistgħux ngħidu li l-mafja rbaħnilha, iżda żgur nistgħu ngħidu li hija inqas b’saħħitha minn qabel għax ma tistax tgawdi mill-istess klima ta’ omertà kompliċi li kienet tgawdi qabel. Illum l-imprenditur li jħallas il-pizzo jaf li jekk jirraporta għandu xibka ta’ appoġġ li tgħinu b’kull mod, jaf li mhux se jkun waħdu. Nemmen li din li “noħolqu xibka” bejn ċittadini ta’ rieda tajba, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet iddedikati għall-ġlieda kontra l-mafja hija l-aqwa strument għal min tassew irid ibiddel l-affarijiet.

Il-President tar-Repubblika Sergio Mattarella, li l-Mafja qatlitu lil ħuh, jista’ jbiddel xi ħaġa fil-pajjiż? 

Il-President Mattarella, kemm minħabba l-formazzjoni tiegħu, kif ukoll għal dak li għadda minnu f’ħajtu, huwa viċin ħafna l-kawża tal-assoċjazzjonijiet li jiġġieldu kontra l-mafja u żgur huwa figura li jista’ jagħti kuraġġ lil dawk kollha li qegħdin jagħmlu din il-battalja. 

Nixtieqek tgħidilna xi ħaġa kif tiftakar inti lill-għażiż ħuk Giovanni. 

Giovanni kien bniedem ta’ intelliġenza akuta u vivaċi ħafna u fl-istess ħin ta’ umanità kbira. Bħala tifel kien jieħu pjaċir ħafna jilgħab il-futbol u t-table tennis: waqt dan il-logħob sar jaf lil dak li kellu jsir il-ħabib tiegħu, Paolo Borsellino li iktar tard sar imħallef bħalu, imma anki tfal oħra li kellhom isiru kriminali magħrufa, imdaħħlin fit-traffikar tad-droga. 

Din l-esperjenza wasslitu biex jiżviluppa ħila profonda kif jifhem in-nies, u l-ġesti tagħhom u jidħol fi djalogu ma’ min kien differenti minnu, u li jirrispetta, ġaladarba sar imħallef, l-esseri uman li kien isib quddiemu, kienu x’kienu l-għażliet tajbin jew ħżiena li dak il-bniedem seta’ għamel. Giovanni kien għalija u għal dawk kollha li saru jafuh bniedem u mħallef ta’ umanità profonda. 

Is-sena l-oħra, il-President tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta, Dr Anġlu Farrugia u Deputat Parlamentari kienu mistiedna għall-kommemorazzjoni ta’ Giovanni Falcone fl-aula bunker. Għaliex din l-istedina? 

Konna kkuntattjati mill-Konslu f’Palermo li ried ikun preżenti għall-Konvenju tagħna u konna ferħanin ħafna li jkunu magħna għall-kommemorazzjoni tat-23 ta’ Mejju. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ liż-żgħażagħ u lill-istudenti Maltin. 

Liż-żgħażagħ u lill-istudenti kollha Maltin nawguralhom li ma jibżgħux. Il-libertà u d-demokrazija ma jistgħux jingħexu jekk wieħed jgħix fil-biża’. Minflok “biża’” daħħlu l-kelma “kuraġġ”, il-kuraġġ li kellu Giovanni ma kienx wieħed ta’ xi eroj ’il bogħod , iżda l-kuraġġ li tagħmel l-għażliet it-tajba anke jekk dawn ikunu diffiċli u tiksbu wara li tkun iddeċidejt “ma’ liem naħa se tkun”. Jekk tistgħu, tiżolawx ruħkom, imma aqsmu l-ħsibijiet ma’ xulxin u oħolqu xibka bejnietkom, sostnu lil xulxin u hekk jirnexxilkom tirrealizzaw dak il-futur imdawwal li jinsab f’idejkom.

Sport