Friday, April 26, 2024

Il-familja Marcos lura fil-poter ġewwa l-Fillipini

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fid-9 ta’ Mejju li għadda saret l-Elezzjoni Presidenzjali ġewwa l-Filippini. Din l-elezzjoni ġiet segwita b’attenzjoni kbira mill-media internazzjonali għaliex wieħed mill-kontestanti ewlenin kien iben Ferdinand Marcos. Marcos kien mexxa lil dan il-pajjiż ta’ madwar 110 miljun ruħ bejn l-1965 u l-1986.

Kontra kull loġika, għalkemm is-sondaġġi kienu qegħdin jipprevedu hekk, iben Ferdinand, li għandu l-istess isem ta’ missieru għalkemm huwa magħruf mal-Fillipini bħala BongBong Marcos, rebaħ din l-elezzjoni bil-kbir, tant li ġab id-doppju tal-voti tal-eqreb rivali tiegħu. 

Permezz ta’ din ir-rebħa qegħdin naraw ir-ritorn tal-familja Marcos fit-tmexxija tal-Fillipini wara kważi 40 sena mill-waqgħa ta’ Ferdinand, wara sensiela ta’ protesti li kienu saru fit-tieni nofs tas-snin tmenin, protesti li baqgħu magħrufa fl-istorja bħala r-Rivoluzzjoni tas-Saħħa tal-Poplu.

Ferdinand Marcos

Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, Ferdinand Marcos, li qabel daħal fil-politika kien wieħed mill-aħjar avukati ġewwa pajjiżu, kien rebaħ l-elezzjoni presidenzjali tal-1965. L-1972 suppost kienet l-aħħar sena li kienet tippermettilu l-kostituzzjoni sabiex jibqa’ fil-kariga ta’ president. Però, minflok irrispetta l-kostituzzjoni ta’ pajjiżu, Marcos iddeċieda li jibqa’ jokkupa l-ogħla kariga ta’ pajjiżu għal żmien indefinit. Sabiex seta’ jagħmel dan, huwa iddikjara stat ta’ emerġenza ġewwa pajjiżu u ssospenda l-parlament, arresta lil mijiet ta’ esponenti ewlenin tal-oppożizzjoni, daħħal ċensura totali fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq kollox ħa l-kontroll tal-qrati u tal-forzi tal-ordni ġewwa pajjiżu. Kemm l-armata, kif ukoll l-pulizija kemm-il darba ġew użati minn Marcos sabiex jiġu ttorturati u saħansitra maqtula politiċi u nies oħra li kien kontra t-tmexxija tiegħu.

Din it-tmexxija awtokratika, flimkien ma’ nuqqas ta’ governanza tajba u korruzzjoni lampanti wasslu għall-ħafna protesti ġewwa l-kapitali Manilla u bliet oħra ewlenin.  Sensiela ta’ ritratti li kienu ppublikati fil-medja ta’ dik il-habta, ritratti li juru  eluf ta’ zraben tad-ditta li kella fil-kollezjoni taghha l-mara ta’ Ferdinand, Imelda u li kienu jikkuntrastaw bil-kbir il-faqar li kien hemm gewwa dan il-pajjiz huma s-simbolu tat-tmexxija korrotta ta’ Ferdinand Marcos.

Il-protesti laħqu l-quccata taghhom meta membru ewlieni tal-oppozizzjoni, Benigno Aquino, safa’ assassinat gewwa Manilla hekk kif kien ghadu kif irritorna gewwa pajjiżu. Dan l-episodju wassal sabiex fl-1986, il-familja Aquino, fosthom BongBong, li dik il-ħabta kellu 29 sena, ħarbu lejn il-Hawaii permezz ta’ ħelikopters Amerikani. Jingħad li magħhom, il-familja Marcos, ħadu ħafna oġġetti ta’ valur sabiex komplew iżidu mal-allegazzjonijiet ta’ serq sfaċċat minn din il-familja. Jingħad li l-familja Marcos serqu aktar minn 10 biljun dollaru mill-kaxxa ta’ pajjiżhom meta kienu fil-poter. Ferdinard Marcos miet fil-Hawaii fl-1989.

Il-familja Marcos

Il-familja Marcos irritornat lura ġewwa l-Fillipini fl-1991. Minn kif riffsu l-art Fillipina, diversi membri tal-familja Marcos reġgħu daħlu fil-politika. Fil-fatt, l-armla ta’ Ferdinand Imelda, li llum għandha kważi 92 sena, kienet ikkontestat mingħajr suċċess l-elezzjoni presidenzjali tal-1992. It-tifla ta’ Imelda u Ferdinand, Imee, ukoll hija attiva ferm fil-politika Fillipina fejn għamlet żmien fis-senat kif ukoll kellha il-kariga ta’ gvernatur. BongBong, li llum ghandu 64-il sena, ilu attiv fil-politika minn meta rritorna ġewwa pajjiżu fejn jingħad li ilu jiġi mrawwem għall-kariga li għadu kemm rebaħ minn dak iż-żmien.

Strateġija ta’ rijabilitazzjoni u alleanzi

Sabiex il-familja Marcos rnexxielha terġa’ tidħol fil-Malacanang, il-palazz presidenzjali maestuż tal-Fillipini, kellha tiġi implimentata strateġija mifruxa fuq żmien sostanzjali sabiex il-poplu Filippin jinsa l-ħniżrijiet li kienu saru matul it-tmexxija ta’ Ferdinand Marcos. Dan sar permezz ta’ filmati li kienu jiġu mtella’ fuq Youtube u xxerjati fuq Facebook, filmati li kienu jibagħtu l-messaġġ li żmien Ferdinanand Marcos kien “l-aqwa żmien fejn kienet tiddomina d-dixxiplina fil-pajjiż”. Dan l-argument niżel tajjeb mal-poplu Fillipin li huwa magħruf li jħobb jagħżel politiċi li ma jiddejqux milli jużaw tattiċi anke pjuttost vjolenti sabiex jaslu fejn iridu jaslu. Dan propju għalhekk li fl-2016, il-poplu Fillippin għażel lil Rodrigo Duterte bħala l-President tiegħu.

Kien appuntu mal-familja Duterte li BongBong għamel alleanza politika importanti li għenitu mhux ftit sabiex rebaħ l-elezzjoni b’marġini daqshekk kbira. Fil-fatt, Sara Duterte, bint Rodrigo Duterte, sejra tkun qiegħda tikkontesta għall-kariga ta’ Vici President ta’ Bong Bong. Ta’ min jgħid li fil-Fillippini l-elezzjoni għall-Vici President issir separatament minn dik tal-President.

X’inhu mistenni mill-Presidenza ta’ BongBong Marcos?

Matul il-kampanja elettorali, BongBong ma tantx tkellem fuq xi proposti konkreti li sejjer ikun qiegħed jimplimenta matul il-presidenza tiegħu. Dan minħabba li ftit li xejn pparteċipa f’dibattici politiċi jew f’intervisti ma’ ġurnalisti indipendenti. L-uniku ħjiel li ta BongBong fuq it-tmexxija tiegħu huwa li sejjer ikun qiegħed ikompli l-ġlieda ta’ Dutere kontra t-traffikanti tad-droga, però b’mod inqas vjolenti minn kif kien sar magħruf li kienet issir fi żmien il-predeċessur tiegħu.

BongBong mistenni jkollu ħafna battibekki mal-Kummisjoni għal Governanza tajba li rnexxielha tirkupra diversi biljuni ta’ dollari minn dawk li allegatament insterqu mill-familja Marcos kif semmejna aktar ‘il fuq, flus li kienu f’kontijiet tal-familja Marcos barra l-Fillippini. BongBong mistenni jkollu wkoll ħafna argumenti mal-Kummissarju tat-Taxxi għaliex għandu diversi każi ta’ allegati evażjonijiet tat-taxxi fuq xiri ta’ proprjetà.

Jeżisti hafna thassib rigward il-mod ta’ kif Marcos sejjer ikun qiegħed jittratta lill-medja tal-oppozizzjoni. Il-mod ta’ kif giet injorata għalkollox matul il-kampanja presidenzjali żgur li ma jawgurax tajjeb tant li hemm min qiegħed jibża’ li sejjer idaħħal xi forma ta’ ċensura bħalma kien għamel missieru.

Meta wieħed jara’ minn xiex kellu jgħaddi l-poplu Fillipin matul t-tmexxija ta’ Ferdinand Marcos żgur li jistagħġeb kif il-poplu reġa’ ħatar membru ta’ din il-familja bħala l-mexxej tiegħu. Hemm sezzjoni tal-media internazzjonali li qiegħda tgħid li Sara Duterte, li sejra tkun il-viċi ta’ Marcos, sejra tkun qiegħda trażżan lill BongBong. Anzi, ħafna qegħdin imorru oltre minn hekk għaliex qegħdin jipprevedu ċerta rivalità bejn il-president u Sara Duterte għaliex fil-Fillippini huwa sigriet magħruf li bint l-ex president ghandha l-ambizzjoni li tkun il-president ta’ pajjizha fl-elezzjoni presidenzjali li jmiss.

Sport