Wednesday, June 3, 2026

Sheldon Mizzi … b’determinazzjoni, umiltà u ambizzjoni li jkompli javvanza, jidher lest għall- kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fost il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ plejers Maltin li qed jippruvaw jibnu karriera bbażata fuq ix-xogħol, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju, Sheldon Mizzi huwa wieħed minn dawk il-plejers li qatt ma qata’ qalbu. Minkejja l-isfidi li sab quddiemu matul il-karriera tiegħu, huwa baqa’ juri determinazzjoni kbira biex itejjeb il-livell tiegħu u jkompli javvanza fil-futbol Malti.

Fl-aħħar staġun lagħab ma’ Tarxien Rainbows wara li ngħaqad magħhom fis-sajf tal-2024 mingħand Marsa FC. Qabel, huwa libes ukoll il-flokkijiet ta’ Santa Lucia u Pietà Hotspurs, filwaqt li l-ewwel passi tiegħu fil-futbol għamilhom proprju ma’ Pietà, il-klabb li fih trabba bħala plejer.

Meta tkellem dwar l-istaġun li għadda, Mizzi ammetta li kien wieħed diffiċli iżda li xorta waħda ħalla ħafna tagħlim warajh.

“Bħala staġun kien wieħed pożittiv, għalkemm ma kienx faċli. Żgur li ma kienx dak li xtaqna minħabba li ġejna relegati, iżda kien kampjonat kompetittiv ħafna fejn il-maġġoranza tal-plejers kienu barranin. Din kienet esperjenza li għenitni nikber mhux biss bħala plejer iżda wkoll bħala persuna.”

Ir-relegazzjoni kienet daqqa ta’ ħarta għal kulħadd fi ħdan il-klabb, iżda Mizzi jippreferi jħares lejn il-pożittiv u lejn dak li seta’ jitgħallem minn din l-esperjenza.

“Meta taffaċċja diffikultajiet titgħallem aktar. Kien hemm mumenti diffiċli iżda wkoll ħafna affarijiet li se nibqa’ nġorr miegħi għall-futur.”

Matul il-karriera tiegħu, Sheldon Mizzi dejjem kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ plejers differenti u jakkwista esperjenzi ġodda. Għalih, kull pass fil-karriera kien importanti biex jibni l-karattru tiegħu.

“Kull esperjenza li għaddejt minnha tfisser ħafna għalija. Ħdimt ħafna biex nasal fejn wasalt illum u naf li xejn ma jiġi faċli. Għalhekk inħossni grat għal kull opportunità li ngħatatli.”

Fil-fatt, il-vjaġġ tiegħu fil-futbol beda minn età żgħira ħafna ma’ Pietà Hotspurs, klabb li baqa’ dejjem qrib qalbu.

“Bdejt ma’ Pietà u qattajt ħafna snin hemmhekk. Irbaħt ħafna unuri bħala żagħżugħ u għandi memorji sbieħ ħafna. Wieħed mill-aktar mumenti speċjali kien meta ġejt magħżul bħala l-aqwa plejer tal-kampjonat ta’ taħt is-17-il sena.”

L-esperjenza tiegħu ma’ Pietà ma kinitx biss dwar il-futbol. Kien ukoll il-post fejn seta’ jara lil ħuh Ayrton jilgħab u jitgħallem mingħandu.

“Kont dejjem inħares lejn ħija bħala eżempju. Rajtu jilgħab u anke ttrenjajt miegħu. Minn dejjem kont nitgħallem minnu.”

Meta jissemma’ ħuh, jidħol ukoll wieħed mill-isbaħ kapitli fil-karriera tiegħu.

“Mument li nibqa’ niftakar għal dejjem kien meta ksibna promozzjoni għall-Premier League. Kienet emozzjoni kbira. Aktar minn hekk, jibqa’ memorabbli l-fatt li jien u ħija rnexxielna niksbu promozzjonijiet fil-karrieri tagħna ma’ timijiet differenti. Huma mumenti li ma tinsihom qatt.”

Lil hinn mill-grawnd, il-familja dejjem kellha rwol ewlieni fil-ħajja tiegħu. B’mod partikolari jsemmi lill-missieru Josef bħala wieħed mill-aktar nies importanti fil-vjaġġ sportiv tiegħu.

“Missieri Josef dejjem tani appoġġ enormi. Kemm hu kif ukoll il-familja kollha tiegħi dejjem kienu hemm għalija. Ħadu ħafna paċenzja bija minn meta kont żgħir u għenuni f’kull pass.”

Huwa jgħid li mingħajr dan l-appoġġ kien ikun ferm aktar diffiċli biex jilħaq il-miri tiegħu.

“Meta jkollok nies li jemmnu fik, tagħmel differenza kbira. Dejjem tawni l-kuraġġ biex nibqa’ naħdem u ma naqta’ qalbi qatt.”

Bħalissa, Sheldon jinsab f’mument importanti tal-karriera tiegħu hekk kif il-kuntratt tiegħu wasal fit-tmiem tiegħu.

“Il-kuntratt tiegħi spiċċa u bħalissa qed nevalwa l-offerti li għandi. Hemm interess kemm minn klabbs tal-Premier League kif ukoll taċ-Challenge League. Se nieħu deċiżjoni li tkun l-aħjar waħda għall-karriera tiegħi u li tgħinni nimxi ’l quddiem.”

Minkejja li għadu ma ddeċidiex fejn se jkun qed jilgħab fl-istaġun li ġej, huwa ċar li qed jaħseb fit-tul u mhux biss fil-preżent.

“Nixtieq inkompli nikber bħala plejer u nżid l-esperjenza tiegħi. Għadni nħoss li għandi ħafna x’nitgħallem u ħafna x’nagħti.”

Meta mistoqsi dwar il-ħolm tiegħu għall-futur, it-tweġiba tiegħu kienet immedjata.

“Il-ħolma tiegħi minn meta kont żgħir kienet li nilgħab barra minn Malta. Din hija xi ħaġa li għadha teżisti fija sal-lum u se nibqa’ naħdem biex xi darba nagħmilha realtà.”

Din il-ħolma hija waħda komuni fost ħafna plejers Maltin, iżda Mizzi jaf li biex tasal hemm trid ħafna sagrifiċċji.

“Xejn ma jiġi waħdu. Trid taħdem kuljum, tieħu ħsieb lilek innifsek fiżikament u tkun lest tagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa. Jekk tibqa’ taħdem, l-opportunitajiet jistgħu jaslu.”

Minkejja l-inċertezza dwar il-futur immedjat tiegħu, il-motivazzjoni tiegħu tibqa’ qawwija daqs qatt qabel. Huwa determinat li jkompli jibni fuq l-esperjenzi li kiseb matul is-snin u jużahom biex jilħaq livelli ogħla.

Fl-aħħar tal-intervista, Sheldon ried iwassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li kienu parti mill-vjaġġ tiegħu.

“Nixtieq nirringrazzja lil missieri, lill-familja tiegħi kollha u lill-klabbs kollha li kont magħhom tul il-karriera tiegħi. Kull wieħed minnhom għenni b’xi mod jew ieħor biex nikber bħala plejer u bħala persuna. Ninsab grat lejn kulħadd għall-appoġġ li dejjem tawni.”

B’determinazzjoni, umiltà u ambizzjoni li jkompli javvanza, Sheldon Mizzi jidher lest għal-lkapitlu ġdid fil-karriera tiegħu. U filwaqt li d-destinazzjoni li jmiss għadha mhijiex magħrufa, ħaġa waħda hija ċerta: se jibqa’ jaħdem bla waqfien biex jilħaq il-ħolm li ilu jġorr miegħu sa minn meta kien tifel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport