Wednesday, June 3, 2026

Wasla Grandjuża – Steinway & Sons  għall-Ewwel Darba f’Malta għand Brincat Pianos Ltd 

Brincat Pianos laqgħu uffiċjalment lil Steinway & Sons f’Malta, hekk kif saru l-ewwel bejjiegħa awtorizzati ta’ din id-ditta rinomata tal-pjanijiet f’pajjiżna.

Aqra wkoll

Steinway & Sons, il-manifatturi tal-pjanijiet l-aktar prestigjużi fid-dinja, għadhom kemm waslu f’Malta b’mod uffiċjali. Brincat Pianos iċċelebraw dan il-mument importanti nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju, permezz ta’ avveniment esklussiv ta’ tnedija fis-showroom tagħhom fin-Naxxar, filwaqt li introduċew uffiċjalment din id-ditta f’Malta bħala l-ewwel bejjiegħa awtorizzati tagħha. 

Is-serata laqqgħet flimkien lil mistednin distinti mill-familja Steinway & Sons u personalitajiet mill-komunitajiet kulturali, artistiċi u kummerċjali ta’ Malta, fosthom il-Kap responsabbli mill-Affarijiet Ekonomiċi fi ħdan l-Ambaxxata Ġermaniża. Il-programm inkluda prestazzjoni esklussiva live mill-artist ta’ Steinway Maurizio Moretti, b’recital li ċċelebra l-ħila straordinarja fis-sengħa li ilha tiddefinixxi l-isem Steinway għal aktar minn 170 sena. Kien hemm ukoll prestazzjonijiet live mill-pjanista lokali Gabi Sultana u l-pjanisti żgħażagħ Andy Falzon u Emma Kate Mifsud.

Għal Brincat Pianos, din il-ħatra hija okkażjoni memorabbli kemm professjonalment kif ukoll personalment. “Biex ġibna lil Steinway & Sons f’Malta ħaditilna xhur sħaħ ta’ ppjanar, u hija parti minn viżjoni usa’ u għall-quddiem li nirrivoluzzjonaw l-industrija u ninvestu fil-kultura lokali,” qalet Diane Brincat, fundatriċi ta’ Brincat Pianos Ltd. “Dawn huma strumenti li jżejnu l-aqwa swali tal-kunċerti u konservatorji fid-dinja – u proprju mil-lum, għandhom dar permanenti fi gżiritna.”

Din it-tnedija hija msejsa fuq legat tal-familja li jmur lura aktar minn 65 sena. Sa mis-snin 60, in-nannu ta’ Diane, Saviour Brincat, kien idoqq u jirrestawra l-pjanijiet, u l-interess tiegħu fil-qasam ispirah biex jiftaħ negozju taż-żebgħa u l-verniċ li aktar tard twessa’ biex jinkludi l-bejgħ tal-pjanijiet. Il-familja Brincat fetħet l-ewwel showroom tagħha f’Tal-Pietà fl-1991, u kompliet in-negozju tal-bejgħ tal-pjanijiet għal deċennji sħaħ taħt it-tmexxija ta’ missier Diane, Gregory, u z-zija, Josette, sakemm Diane – bħala t-tielet ġenerazzjoni – ifformalizzat l-impriża bħala Brincat Pianos Ltd fl-2024. 

Apparti l-konċessjoni esklussiva ta’ Steinway & Sons, il-kumpanija toffri wkoll pjanijiet tal-manifatturi ċelebri C. Bechstein and Blüthner, bl-għan ewlieni li twassal strumenti ta’ kwalità għolja lill-appassjonati tal-mużika fid-djar u fuq il-palkijiet madwar Malta. Ukoll għall-ewwel darba f’Malta, il-portafoll wiesa’ ta’ pjanijiet ta’ Brincat Pianos jinkludi wkoll pjanu ġdid magħżul bir-reqqa, Steinway Model D Concert Grand Piano, li se jkun disponibbli biex jinkera għal avvenimenti u kunċerti.

Brincat Pianos joperaw minn spazju mibni apposta fin-Naxxar. Jiftħu b’appuntament u l-post hu ddisinjat bħala ċentru tal-esperjenza tal-pjanu, iktar milli showroom konvenzjonali. Diane qed tippjana wkoll li żżid studio tal-irrekordjar professjonali fi ħdan il-faċilità, konformi mal-viżjoni usa’ tagħha li toħloq ċentru kulturali għall-komunità mużikali ta’ Malta.

“Il-pjanu huwa xirja personali u li ddum fit-tul, u ħafna drabi jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra bħala wirt tal-familja,” kompliet Diane. “L-importanti hu li ssib l-istrument it-tajjeb għall-baġit tiegħek – wieħed li jagħtik pjaċir u jirrappreżenta l-kwalità. Issa li Steinway & Sons saru parti mix-showroom tagħna, nistgħu noffru lill-appassjonati tal-mużika Maltin xi ħaġa li, sa ftit ilu, ridt issiefer biex issibha.” 

Għal aktar informazzjoni jew biex tibbukkja appuntament fix-showroom ta’ Brincat Pianos f’Livell 2, Mvintage Business Centre, Triq il-Ġnien, Naxxar, żur is-sit www.brincatpianos.com jew ċempel fuq 79208897.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport