Wednesday, June 3, 2026

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li Malta laħqet il-miri fiskali qabel iż-żmien

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti jilqa’ r-rakkommandazzjoni li għadha kemm ippubblikat il-Kummissjoni Ewropea biex il-Kunsill Ewropew joħroġ lil Malta mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. 

Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tar-riżultati fiskali ferm pożittivi tal-Gvern Malti li s-sena li għaddiet naqqas id-defiċit għal 2.2% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan kien ifisser li pajjiżna laħaq il-miri finanzjarji maqbula mal-Kummissjoni ferm qabel miftiehem. Barra minn hekk it-titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Gvern Malti kienet ferm akbar minn dik maqbula.

Skont il-EUROSTAT il-medja tad-defiċit madwar l-Unjoni Ewropea huwa ta’ 3.1% tal-ġid nazzjonali, jew kważi punt perċentwal sħiħ akbar minn dak f’pajjiżna. Dan minkejja li l-Gvernijiet Ewropej qed jieħdu madwar €46 f’taxxi u dħul ieħor minn kull €100 ta’ ġid nazzjonali. B’kuntrast f’Malta, id-defiċit kien ta’ 2.2% biss, minkejja li l-Gvern Malti jieħu anqas minn €35 f’taxxi u dħul ieħor minn kull €100 ta’ ġid nazzjonali.

Fost dawk b’defiċit akbar minn jew daqs 3%, u allura li għandhom defiċit eċċessiv wieħed isib il-Belġju (5.2%), il-Bulgarija (3.5%),  Franza (5.1%), il-Kroazja (3%), l-Italja (3.1%), l-Ungerija (4.7%), l-Awstrija (4.2%), il-Polonja (7.3%), ir-Rumanija (7.9%), l-Islovakkja (4.5%) u l-Finlandja (3.4%). Filwaqt li Malta naqset id-defiċit taħt it-3% is-sena li għaddiet, fil-Bulgarija u fil-Kroazja d-defiċit beda jaqbeż għall-ewwel darba t-threshold Ewropea. 

Malta rnexxielha tikseb dan ir-riżultat minkejja li s-sena li għaddiet kienet l-uniku pajjiż Ewropew fejn ma kien hemm l-ebda żieda fil-prezz tal-petrol, diżil, gass u elettriku. It-tnaqqis fid-defiċit kien kawża tat-tkabbir ekonomiku u mhux ta’ miżuri ta’ awsterità. Anzi r-riżultati pożittivi nkisbu minkejja li l-Gvern wettaq l-akbar tax cut fl-istorja ta’ pajjiżna li minna gawdew il-ħaddiema kollha, kif ukoll ngħatat żieda qawwija fil-pensjonijiet u benefiċċji soċjali. 

Finalment il-Kummissjoni kkonfermat li  l-qagħda finanzjarja tal-Gvern Malti se tkompli titjieb fis-snin li ġejjin. Dan huwa ċertifikat ieħor pożittiv għall-Gvern, li filwaqt li qed jibqa’ jsostni bil-kbir lill-familji u lin-negozji, qed ikompli jtejjeb il-finanzi pubbliċi. Dan propju għax il-politika progressiva qed twassal għal tkabbir ekonomiku sostnut.

Grazzi għal dan is-suċċess ekonomiku l-Gvern ser jibda jwettaq il-manifest elettorali, issa programm ta’ ħidma, li fuqu ngħata mandat elettorali b’saħħtu nhar is-Sibt illi għadda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport