Friday, May 3, 2024

Il-kranji tal-Ipoġew esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija

Aqra wkoll

Il-kranji li kienu nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u li xegħlu l-immaġinazzjoni pubblika sa minn  meta ġew skavati, qed jiġu esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, f’wirja bl isem “Alien Headaches? The Hypogeum Skulls Enigma”. 

Matul iż-żmien, il-kranji tal-Ipoġew iġġeneraw dibattitu u interess minħabba l-fatt li Sir Temi  Zammit iddeskriviehom bħala “ta’ tip tawwali” waqt li kienu għaddejjin l-iskavi fl-ewwel deċenju  tas-seklu 20. Spiss isiru talbiet minn persuni biex jarawhom, u diversi produtturi ta’ films nisġuhom  fin-narrattiva tal-produzzjonijiet tagħhom, li xi drabi kellhom tema ekstraterrestri.  

L-esebizzjoni ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè  Herrera fil-preżenza ta’ Anthony Scicluna, Chairman ta’ Heritage Malta, u Sharon Sultana, Kuratur  Anzjan fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. 

Il-Ministru Herrera qal li din il-wirja hija l-qofol ta’ sena impenjattiva ħafna għall-Mużew  Nazzjonali tal-Arkeoloġija, li għaraf jisfrutta l-isfida tal-imxija tal-Covid-19 u ħataf l-opportunità  biex jagħmel xogħlijiet ta’ restawr, tisbiħ u titjib fl-interpretazzjoni fiż-żmien meta l-mużew kien  magħluq għall-pubbliku jew b’ħinijiet tal-ftuħ imnaqqsin. Huwa fakkar li minbarra dawn ix 

xogħlijiet, għaddejja riċerka storika kif ukoll sondaġġi fiżiċi f’diversi partijiet tal-Berġa ta’  Provenza biex wieħed jifhem aħjar l-istorja twila u rikka ta’ din il-binja li fiha tilqa’ dan il-mużew. 

Din l-esebizzjoni tixhed l-importanza ta’ żewġ siti ta’ Heritage Malta li permezz ta’ din l-inizjattiva  qed jitwaħħdu flimkien – l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. L esebizzjoni tal-kranji se tkompli ssebbaħ l-esperjenza tal-viżitatur għal żmien il-Milied fil-Belt  Valletta, wara li fil-jiem li għaddew ġew inawgurati wkoll attrazzjonijiet ġodda f’MUŻA. Inizjattivi  bħal dawn jinkwadraw tajjeb fil-qafas tal-viżjoni mnedija ftit xhur ilu bil-ħsieb li s-siti ta’ Heritage  Malta fil-belt kapitali joffru lkoll flimkien esperjenza ħolistika u unika lill-viżitaturi. 

L-esebizzjoni “Alien Headaches? The Hypogeum Skulls Enigma” toffri opportunità unika biex  wieħed josserva l-kranji tal-Ipoġew mill-qrib, billi normalment jinżammu fil-kollezzjoni ta’ riserva  u fil-fatt ilhom ma jiġu esebiti mill-1995. 

Bis-saħħa ta’ tekniki xjentifiċi innovattivi, il-kranji qed jiġu studjati minn perspettivi ġodda li qed  iwasslu għal għarfien akbar tal-bniedem Neolitiku fil-kuntest ta’ ambjent ta’ gżira. L-esebizzjoni se  turi kif il-kranji ġew eżaminati minn perspettiva arkeoloġika, osteoloġika kif ukoll medika.

Il-ħlas biex wieħed iżur il-wirja u l-bqija tal-mużew huwa kif ġej: Membri ta’ Heritage Malta – dħul  b’xejn; dawk li għandhom il-Passaport tat-Tfal ta’ Heritage Malta – jidħlu b’xejn u l-adulti li  jakkumpanjawhom iħallsu nofs prezz; dawk li għandhom il-Passaport tal-Anzjani ta’ Heritage  Malta – iħallsu nofs prezz u dawk li jakkumpanjawhom iħallsu l-prezz normali. Il-viżitaturi l-oħra  kollha jħallsu l-prezzijiet normali tad-dħul għall-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-mużew ikun  miftuħ mill-Ħamis sal-Ħadd bejn l-10.00am u l-4.30pm.

Sport