Minbarra l-kaos ekonomiku li kkawżat f’bosta pajjiżi bil-ġirja ‘l fuq inflazzjonarja li ddisturbat l-ordni internazzjonali, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna ħolqot diversi kontroversji oħra fosthom in-nuqqas ta’ verita ta’ kemm inqatlu suldati s’issa matul it-tmintax-il xahar li ilha għaddejja l-Gwerra.
Filwaqt li r-Russa ssostni li nqatlu biss madwar 6,000 suldati Russi, il-President Vladimir Putin ordna li jinħarġu kważi kwart ta’ miljun ċertifikat tal-mewt għas-suldati Russi maqtula fl-Ukrajna.
Madwar 230,000 ċertifikat huma lesti għall-familji u l-qraba tas-suldati mejta, irrapporta l-midja Verstka.
Dan l-ammont jagħti l-eqreb indikazzjoni ta’ kemm suldati Russi inqatlu, peress li l-Kremlin jirrikonoxxi pubblikament biss l-imwiet ta’ 6,000. Iċ-ċertifikati se jitqassmu lir-romol u lit-tfal tas-suldati.
757,305 ċertifikat ieħor ġew ordnati għal veterani tal-ġwerra li baqgħu ħajjin, u b’hekk iċ-ċifra totali ta’ suldati Russi bejn maqtula u veterani jitla għal kważi miljun.
In-numri jistgħu jindikaw indirettament l-iskala approssimattiva tas-suldati Russi li huma fuq il-front tal-battalji. L-Ukrajna sostniet din il-ġimgħa li aktar minn 270,000 suldat Russu nqatlu fi gwerra li nħolqot mix-xewqa ta’ Putin li jinvadi pajjiż ġar.
F’ċerimonja ta’ premjazzjoni mill-istat f’Awwissu li għadda, Vladimir Putin deher ma’ Angelina Ivanov, l-armla tal-Kurunell maqtul Denis Ivanov, ta’ 41 sena, u ż-żewġt itfal tal-koppja.
L-uffiċjali tal-Kremlin minkejja li qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw kontinwament jaħbu l-għadd tal-imwiet, b’danakollu mhux jirnexxielhom jilħqu dan l-iskop, skont l-esperti li janalizzaw id-dejta.
Żewġ mezzi ta’ midja indipendenti, Mediazona u Meduza ħadmu flimkien ma’ xjenzat tad-dejta mill-Università ta’ Tubingen tal-Ġrmanja biex jidentifikaw riflessjoni aktar realistika tal-ħajjiet li diġa ntilfu f’din il-gwerra.