Monday, May 13, 2024

Aġenziji ta’ Kreditu jagħtu raġun lil politika tal-Gvern

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Aġenziji ta’ kreditu jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni dwar materji li wieħed jikkunsidra qabel ma jagħmel investiment. Dan japplika b’mod speċjali meta jiġu mkejla u jsir assessjar fuq pajjiżi madwar id-dinja.

Tul dan l-eżerċizzju, dawn l-aġenziji janalizzaw il-valur tal-pajjiż, il-kredtu li għandu ma’ pajjiżi oħra f’dik li hi governanza, il-qagħda ekonomika u soċjali tiegħu, il-valur tal-investiment barrani u lokali, l-ambjent politiku fil-pajjiż, ir-riżervi lokali u barranin, it-tħaddim demokratiku, l-istituzzjonijiet u l-mod trasparenti kif joperaw, kif ukoll l-andament imsejjaħ ‘feel good factor’ fost l-oħrajn.

Din l-analiżi tħares ukoll lejn l-andament politiku f’dak li hu stabbilità politika u dik ekonomika kif ukoll il-bixra ta’ kif ikunu sejrin l-affarijiet tul il-proċess innifsu. Dan kollu jagħti stampa ċara lill-investituri x’riskji jkun hemm jekk dawn jinvestu f’dak il-pajjiż. L-eżerċizzju jagħti wkoll indikazzjoni tas-saħħa finanzjarja tal-pajjiż sabiex dan ikun jista’ jħallas id-dejn tiegħu. Iktar ma l-qagħda hija b’saħħitha, anqas huma l-interessi tal-imgħax fuq is-self li jkun meħtieġ isir.

Proprju ftit tal-jiem ilu, waħda minn dawn l-aġenziji ewlenin, Fitch, ippubblikat l-assessjar tagħha fuq Malta. Qabel xejn tajjeb ngħidu li Fitch hija aġenzija tal-kreditu li hija bbażata ġewwa New York u Londra. Aġenzija li ilha topera għal aktar minn mitt sena. Dan huwa importanti għaliex dawn l-agenziji ta’ kreditu ma jkunux twaqqfu lbieraħ imma għandhom l-awtorità u l-kredibbiltà kollha biex jippubblikaw dak mistħarreġ.

Fir-rapport tagħna fuq Malta, Fitch anticipat li l-ekonomija tagħna ser tkompli miexja ‘l quddiem u se tkompli tikber b’marġni ta’ 3.7% fl-2024 u 2025, filwaqt li kkonfermat ir-rata ta’ ‘A+’ b’ħarsien stabbli għaż-żmien li ġej. Dan ir-riżultat inkiseb wara li ngħata ħarsa anki lejn is-salarji tal-ħaddiema Maltin kif ukoll it-tkabbir b’saħħtu ħafna li kellna qabel il-pandemija. Dan it-tkabbir huwa wkoll rifless f’bilanċ tal-mod kif topera s-sistema bankarja tagħna, u l-istabiltà ta’ kumpaniji u azjendi privati żgħar.

Dan minkejja li kumpaniji żgħar u medji, normalment huma aktar suxxettibli li jkunu huma li jlaqqtuha l-ewwel meta jkun hemm xi inflazzjoni jew swieq barranin li jmorru ħażin. Din ir-rata nkisbet ukoll minkejja li d-dejn nazzjonali żdied. Dan ifisser li l-fiduċja tan-nies fl-ekonomija u s-saħħa tal-flus huma kbar.

Fattur ieħor importanti fir-rapport tagħhom hu fejn qed jingħad li minkejja li jista’ jkun hemm tnaqqis fit-tkabbir fuq is-sena 2023, ir-rata ta’ 3.7% hija ferm ikbar mill-medja ewropea ta’ 0.6%. F’dan il-kuntest, ir-rapport juża l-kelma ‘outperformed’ meta jqabbel lil Malta mal-kumplament tal-kontinent Ewropew.

Pajjiżna qed jirnexxilu wkoll iżid l-esportazzjoni tiegħu u dan huwa indikatur importanti ħafna meta niftakru li għadna ħerġin minn pandemija, fejn is-saħħa tax-xogħol u tal-ħaddiema kienet naqset madwar id-dinja kollha.

Ir-rapport jinnota wkoll iż-żidiet fis-salarji u l-fatt li l-Gvern intervjena sabiex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Xi ħaġa li qed tgħin lin-negozji mhux ftit għaliex jistgħu jippjanaw u mhux jistennew żidiet minn xahar għall-ieħor.

Ir-rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kompliet tinżel u issa tinsab f’livelli rekord ta’ 2.5% filwaqt li kompla t-trend li ħaddiema barranin li kienu ħallew pajjiżna minħabba l-pandemija, issa qed jirritornaw lura b’mod stabbli u allura n-negozji komplew jieħdu r-ruħ għaliex fil-parti l-kbira tagħhom ma kellhomx bżonn jagħlqu l-bibien tagħhom bl-għajnuna li ta l-Gvern tul is-sentejn li għaddew.

Dawn l-attribwiti jikkonfermaw il-vizjoni li kellu l-Gvern ta’ Robert Abela meta ħa l-miżuri fiskali u ekonomici li ha tul il-pandemija. Deċiżjonijiet li kienu tempestivi u f’waqthom sabiex setgħu jassiguraw li pajjiżna jkun kapaċi itawwal bihom skont il-ħtieġa. Xi ħaġa li kien jitkellem fuqha il-Prim Ministru meta kien jgħid li din hija maratona u mhux tellieqa ta’ ftit metri. Mhux biss l-istrateġija tal-Gvern li jippremja l-bżulija imma wkoll politika li żammew lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, negozji mwieżna fl-ispejjeż tagħhom u prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Din kienet viżjoni li wasslet biex appena għaddejna l-fażi tal-pandemija, il-‘workforce’ ta’ pajjiżna kienet lesta biex tkompli fejn ħalliet lura fl-2020 u mhux ridna nassistu għal proċessi ta’ reklutaġġi ġodda, taħriġ u żmien ta’ stennija. Dan tana vantagg ekonomiku kbir fuq kompetituri tagħna u wassal biex mhux biss bqajna kompetittivi imma kellna wkoll vantaġġ f’dik li hi stabbilità fin-negozji tagħna.

Riżultat bħal dan iqawwi qalb in-negozji tagħna u investituri oħra għaliex f’pajjiżna jaraw għalqa għammiela fejn ir-riskji tal-investimenti tagħhom ikunu minimi ħafna u jkomplu jagħmlu kuraġġ biex jinvestu.

Naturalment, dan ikompli jsaħħaħ anki l-pożizzjoni tal-ħaddiem Malti għaliex ikollu aktar opportunitajiet biex javvanza fil-karriera tiegħu, xi ħaġa li tkompli tgħolli ‘l fuq il-klassi medja, filwaqt li ċċaqlaq mill-qiegħ lil dawk li għa; xi raguni jew oħra għadhom imissu mal-faxxa tal-faqar. Dan l-andament ekonomiku jkompli jilqa’ wkoll għall-inflazzjoni, li qed tolqot lid-dinja kollha, li iżda b’xorti tajba, tinħass ferm inqas mill-familji Maltin. Dan grazzi għall-politika tal-Gvern li jintervjeni fejn meħtieġ biex ħadd ma jaqa’ lura.

Għaldaqstant, filwaqt li nikkonfermaw li dawn l-aġenziji mhumiex xi ħadd li tħallsu biex jagħtik rapport pożittiv, kif kien hawn min darba qal, rapporti pożittivi bħal dawn huma ċertifikat ekonomiku għall-Gvern ta’ Robert Abela li mudell ekonomiku li bih miexi pajjiżna qed jaħdem fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin.

Sport