Minn VICTOR VELLA
Il-kriżi fil-Lvant tal-Mediterran bejn it-Turkija u l-Greċja, liema kriżi wasslet għal theddid ta’ ritaljazzjoni min-naħa tat-Turkija lejn il-Greċja, se twassal biex f’Settembru se jkun hemm summit speċjali tal-Unjoni Ewropea fejn se jkun qed jitratta din il-kwistjoni.
F’dan is-summit se jieħdu sehem il-Kapijiet tal-Istati tal-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni, kompliet tiggrava fl-aħħar jiem, u dan hekk kif Ċipru akkuża lill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea li ma ħadux pożizzjoni iebsa fuq it-Turkija, fil-każ li inqala’ dan l-aħħar b’rabta ma’ studji relatata ma’ tħaffir għall-gass f’żona li fuqha hemm kwistjoni bejn il-Greċja u t-Turkija.
Il-kummenti Ċiprijotti saru wara li l-Greċja, naqset milli ġġib pożizzjoni qawwija mill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea kontra t-Turkija dwar stħarriġ li qed isir b’rabta mal-gass f’żona li kemm it-Turkija u kemm il-Greċja jgħidu li għandhom ġurisdizzjoni fuqha.
L-Italja u Malta meqjusin fost dawk b’relazzjoni tajba mat-Turkija
L-ORIZZONT tkellem ma’ diplomatiċi midħla tar-reġjun. Saħqu li “f’laqgħa li saret ftit ilu, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea esprimew appoġġ għal Ċipru u l-Greċja. Waqfu hemm u dan qed jitqies bħala li mhux biżżejjed. Tant kemm ma kinux biżżejjed li t-Turkija baqgħet għaddejja bl-attivitajiet tagħha. Mhux talli ma rtirawx talli fl-aħħar sigħat it-Turkija iddikjarat li wieħed mill-bastimenti tagħha involut f’din il-kontroversja, se jkun qed jestendi l-ħidma tiegħu sa nofs Settembru.”
L-istess diplomatiku qalilna li “din il-kriżi qed turi li għandna Unjoni Ewropea li qed titratta żewġ kriżijiet b’mod differenti. Fil-kriżi li hemm fil-Belarus, diġa qed jissemmew is-sanzjonjiet, imma fil-każ tat-Turkija, hemm attitudni differenti. Ma rridux ninsew li t-Turkija għandha relazzjoni tajba u mill-qrib ħafna mal-Ġermanja. Tant hu hekk li fil-laqgħa li saret ftit jiem ilu dwar il-kwistjoni tat-Turkija u l-Greċja, kienet il-Ġermanja li ma qablitx mal-Greċja.”
L-istess diplomatiku qalilna li “ma ninsewx ukoll li hemm l-Italja u anki Malta li minħabba l-kwistjoni tal-Libja u l-appoġġ li t-Turkija qed tagħti lill-Gvern ta’ Tripli, dawn għandhom relazzjoni ta’ koperazzjoni tajba mat-Turkija. Nifhem li Malta qiegħda f’pożizzjoni skomda għall-aħħar u nara li dak li tista’ tagħmel hu li tagħfas biex ikun hemm id-djalogu bejn il-Greċja u t-Turkija.”
L-istess diplomatiku qalilna li “ma rridux ninsew li kien ftit jiem ilu biss liMalta ngħaqdet mal-Gvernijiet tat-Turkija u l-Libja biex tesprimi r-riservi tagħha għall-ħidma militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran bl-isem IRINI. Dan peress li qalu li l-IRINI għandha n-nuqqasijiet tagħha. Il-ħidma ta’ IRINI tiffoka l-aktar fuq l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-armi imposti fuq il-Libja min-Nazzjonijiet Magħquda bl-użu ta’ satelliti u ajruplani u riżorsi marittimi.”
L-istess diplomatiku qalilna li “l-Italja ukoll għandha relazzjoni tajba mat-Turkija fejn riċentament iż-żewġ pajjiżi ikkonfermaw il-koperazzjoni tagħhom fil-lvant tal-Mediterran.
Il-kriżi…
Il-kriżi fil-lvant tal-Mediterran inqalgħet fl-aħħar jiem u dan hekk kif it-Turkija wissiet b’ritaljazzjoni lejn il-Greċja jekk jerġa’ isir xi attakk fuq bastiment tagħha li qed jagħmlu stħarriġ għal gass fil-lvant tal-Mediterran.
It-Turkija anke akkużat lil Franza li qed tagħmel tattiċi ta’ ibbuljar. Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan, qal li wieħed mill-bastimenti militari li qed jakkumpanjaw lill-bastiment ta’ riċerka Oruc Reis, ingħata l-ordnijiet neċessarji kollha biex jattakka.
It-tensjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi eskalaw fl-aħħar jiem u dan hekk kif it-Turkija nediet ħidma għal esplorazzjoni f’żoni fil-Lvant tal-Mediterran li fuqha hemm kwistjoni bejn il-Greċja u l-istess Turkija.
Għad-deċiżjonijiet li jintbagħatu bastimenti ta’ riċerka akkumpanjati minn bastimenti militari mit-Turkija, il-Greċja irrispondiet billi bagħtet il-bastimenti militari tagħha u nqalgħet kontroversja. Il-Greċja irreferiet għal dak li ġara bħala inċident mentri it-Turkija qalet li kienet provokazzjoni.