Wednesday, May 14, 2025

Il-kriżi s-siekta: is-saħħa mentali taż-żgħażagħ 

Aqra wkoll

‘Il-ħarsien tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ tagħna llum huwa l-pedament ta’ soċjetà b’saħħitha u reżiljenti, li tiżgura s-siesin tas-soċjetà ta’ għada. Madankollu, l-istat tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ tal-Ewropa żgur jeħtieġ li jitjieb – b ’mod partikolari peress li dan huwa marbut direttament mal-edukazzjoni, il-ħajja ta’ kuljum u l-benesseri fit-tul tagħhom.’  L-introduzzjoni tad-Diskors tal-Kummissarju Glenn Micallef waqt sessjoni speċjali tal-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Frar 2025 li ddiskutit b’mod speċifiku is-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-Ewropa. 

Statistika kwotata fl-istess sessjoni turi li 20% tal-adolexxenti fl-Unjoni Ewropea jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Rapporti oħra juru li 50% taż-żgħażagħ Ewropej irrappurtaw li l-bżonnijiet tagħhom fejn tidħol is-saħħa mentali mhux qed jintlaqgħu. Dan ikompli jissaħħaħ mir-riżultati ppublikati mill-istħarriġ tal-Eurobarometer (2023) li wera li 59% ta’ żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena kellhom problem emozzjonali jew psikosoċjali bħad-dipressjoni jew anzjetà fit-12-il xahar ta’ qabel. 

Bin-numri biss mhux se nsolvu l-problem. X’jista’ jsir? 

Nieħdu l-fatturi soċjoekonomiċi bis-serjeta: Is-saħħa mentali hi marbuta jew twassal għal problem bħal faqar, problemi biex wieħed isib jew iżomm il-post xogħol.  Għandu jkun hemm sistemi li jiżguraw l-appoġġ soċjali, u protezzjoni aktar ta’ gruppi vulnerabbli biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi.

Prevenzjoni u intervent f’waqtu: Għandu jkun hemm sistemi f’posthom u iktar b’saħħithom ta’ prevenzjoni tas-saħħa mentali u ta’ intervent f’waqtu, inkluż l-integrazzjoni tal-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali fl-iskejjel, iż-żieda fil-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, u l-espansjoni ta’ servizzi ta’ sapport għaż-żgħażagħ. 

Edukazzjoni dwar is-saħħa mentali: Iż-żgħażagħ stess għandhom jiġu mgħammra bl-għodod meħtieġa ta’ tagħrif dwar is-saħħa mentali, x’jistgħu jgħamlu biex inaqqsu r-riskji u fejn u meta għandhom ifitxu l-għajnuna.  Din għandha tkun kemm fuq bażi individwali kif ukoll f’kuntest ta’ skola fejn iż-żgħażagħ iqattgħu il-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom. 

Id-Diġitalizzazzjoni: Iż-żgħażagħ illum jirċievu l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni mid-dinja diġitali għalhekk għandu jkun hemm informazzjoni vera u li tgħin liż-żgħażagħ. Fl-istess waqt għandu jkun hemm regolamentazzjoni aktar stretta tal-pjattaformi diġitali u tal-midja soċjali għall-protezzjoni tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Dan biex nipprevjenu kontenut li jgħamjel ħsara, niġġieldu s-cyber bullying u nassiguraw li liż-żgħażagħ jistgħu jużaw l-ispazji online b’mod sikur.

Taħriġ għall-professjonisti: Hemm bżonn ta’ aktar taħriġ ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali, aktar speċjalisti u servizzi tas-saħħa mentali aktar addattati u li jindirizzaw il-bżonnijiet taż-żgħażagħ. 

Iż-żgħażagħ huma l-futur u għalhekk hu importanti li nitkellmu dwarhom meta nfakkru l-Ġimgħa Ewropea tas-Saħħa mentali. Minkejja l-problemi msemmija hawn fuq jeżistu bosta servizzi li jinidirizzaw oqsma varji li jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ.  Għal dan il-għan l-Uffiċju tal-Kummissarju għad-drittijiet ta’ persuni bi problem ta’ saħħa mentali ppublika ktejjeb b’informazzjoni dwar ‘helplines, apps u chats’ li wieħed jista’ jgħamel użu minnhom meta jkun f’diffikuta. Dawn il-helplines, apps jew siti joffru servizzi ta’ professjonisti mħarġa biex joffru servizzi meta wieħed ikun qed iħossu waħdu jew jixtieq jistaqsi dwar xi diffikulta li qed tolqot is-saħħa mentali. Servizzi oħra joffru kura jew terapija minn xi vizzji bħad-droga, alkoħol jew logħob. Barra minn dawn, hemm servizzi li joffri għajnuna meta jkun hemm problemi bħall-mard, tqala b’kumplikazzjonijiet jew meta xi ħadd ikollu diżabilita u  jaffetwaw is-saħħa mentali . Fl-aħħar u mhux l-inqas serizzi ta’ emergenza f’sitwazzjoni ta’ vjolenza jew kriżi li jwasslu għal problemi ta’ saħħa mentali. Minkejja li t-tema ta’ din il-kitba hi dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ dawn is-servizzi huma għal kulħadd u mhux żgħażagħ biss.  Minn jixtieq kopja ta’ din il-pubblikazzjoni jista’ jibgħat email fuq [email protected]  jew permezz tal-paġna facebook https://www.facebook.com/commissionerformentalhealthmalta 

Ringrazzjament speċjali ghal dan l-artiklu imur ghall-Ufficju tal-Kummissarju ghas-Sahha Mentali

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport