Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) tinnota bi tħassib id-dikjarazzjonijiet li saru waqt il-konferenza stampa tal-lum li saret fix-Xgħajra mill-MEP Peter Agius u l-MP Rebekah Borg li allegaw b’mod falz li drenaġġ mhux trattat qed jintrema tul il-kosta ta’ Malta.
Filwaqt li nappoġġjaw bis-sħiħ id-diskors pubbliku u l-inizjattivi mmexxija mill-komunità li jippromwovu l-ħarsien tal-ambjent, huwa importanti li konverżazzjonijiet bħal dawn ikunu msejsa fuq fatti verifikati aktar milli fuq narrattivi selettivi. Is-suġġeriment li Malta qed tarmi drenaġġ mhux trattat fil-baħar b’mod sistematiku mhux riflessjoni tar-realtà.
Kuntrarjament għall-implikazzjonijiet li saru, l-inċidenti reċenti rreġistrati mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (EHD) din is-sena, kif ukoll dawk irreġistrati matul is-sajf ta’ qabel, ma kinux dovuti għal ħsarat sistemiċi fl-infrastruttura, iżda għal abbuż minn partijiet terzi . Dawn jinkludu sidien ta’ ristoranti li kellhom imblukkar intern u individwi li illegalment jarmu drenaġġ f’gandotti tal-ilma tax-xita li mhumiex konnessi man-netwerk pubbliku tad-drenaġġ. Filwaqt li azzjonijiet bħal dawn huma kemm irresponsabbli kif ukoll illegali, jaqgħu kompletament barra mill-mandat u l-ambitu operattiv tal-KSI. Ta’ min jinnota wkoll li l-kwalità tal-ilma baħar madwar ix-Xgħajra u ż-żoni kostali fil-qrib hija kklassifikata b’mod konsistenti bħala ‘Eċċellenti’, skont l- aħħar Rapport uffiċjali dwar il-Kwalità tal-Ilma tal-Għawm maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin u tal-UE.
Fl-istess ħin, il-KSI qed tindirizza b’mod proattiv oqsma fejn id-domanda qed tikber. L- Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ tal-Mellieħa, pereżempju, huwa skedat għal titjib maġġuri b’investiment ta’ €33 miljun li bħalissa jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni . Dan se jiżgura li l-impjant jissodisfa l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu tal-komunità u jaderixxi mal-ogħla standards ambjentali.
L-Ewropa Tapprova l-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tal-KSI
Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar tat l-approvazzjoni sħiħa tagħha għall-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali ta’ €310 miljun tal-KSI, li jkopri l-għaxar snin li ġejjin. Din l-approvazzjoni hija vot ċar ta’ fiduċja fl-istrateġija ta’ Malta għall-immaniġġjar tal-ilma u tad-drenaġġ, li tħares ‘il quddiem u hija mmexxija mis-sostenibbiltà.
Il-fatti huma importanti, u huwa d-dmir tagħna li niċċaraw meta dawn ma jkunux korretti.
Il-KSI tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tiżgura li l-ibħra kostali ta’ Malta jkunu protetti u li s-sistemi tad-drenaġġ tagħha jkomplu joperaw bi standards ta’ klassi dinjija. Inħeġġu kollaborazzjoni kostruttiva mal-partijiet interessati kollha u nħeġġu lill-pubbliku biex jirrapporta rimi illegali tad-drenaġġ sabiex inkunu nistgħu naġixxu malajr u b’mod deċiżiv.
Il-KSI tinnota wkoll li l-MEP Agius ġie mistieden fil-Head Office tagħha diversi drabi biex jiddiskuti kwalunkwe tħassib u jiċċara kwalunkwe ħsieb li jista jkollu, iżda sfortunatament s’issa għadu ma aċċettax l-istedina. Minkejja dan, l-istedina tibqa’ miftuħa, kemm għall-MEP Agius kif ukoll għall-MP Borg.
Il-progress ambjentali jeħtieġ verità, sħubija, u viżjoni mhux opportuniżmu politiku.