Waqt laqgħa għall-midja mmexxija mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) Karl Cilia, il-Korporazzjoni ppreżentat aġġornamenti importanti rigward il-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali (NIP) għall-2023-2033. Waqt il-laqgħa, ingħatat informazzjoni dwar miri ewlenin, proġetti li għadhom għaddejjin, u strateġiji li jħarsu ‘l quddiem, inklużi inizjattivi leġiżlattivi u teknoloġiċi ġodda.
Kisbiet Ewlenin u Progress
Il-KSI kisbet progress sostanzjali fit-titjib tal-infrastruttura u tas-servizzi tal-ilma ta’ Malta. Tragwardi sinifikanti jinkludu:
- Effiċjenza tan-Netwerk: Żieda għal effiċjenza ta’ 72%, li jimmarka titjib notevoli mill-52% irreġistrat fl-2011.
- Tnaqqis fit-Tnixxija: L-Infrastructure Leakage Index tal-KSI issa huwa ta’ 1.8. Dan jirrappreżenta 9.5% tal-produzzjoni tal-ilma, tnaqqis mit-13% irreġistrat fl-2013, li jirrifletti l-impenn tal-KSI biex jitnaqqas it-telf tal-ilma.
- Każijiet ta’ Użu Ħażin tal-Ilma: Ġew solvuti aktar minn 100 każ ta’ użu illegali tal-ilma, u b’hekk ġew irkuprati €1 miljun fi dħul mitluf, permezz tal-użu tal-AI.
Punti Prinċipali fl-oqsma Finanzjarji u Operattivi (2023)
- Billing tal-Ilma: Il-KSI għamlet billing għal 26.5 miljun metru kubu ta’ ilma fl-2023, żieda ta’ 9% mis-sena ta ‘qabel.
•
Tkabbir fil-Qligħ: Il-KSI irreġistrat €6.2 miljun fi profitti, li jimmarka żieda ta’ 53%, flimkien ma’ tkabbir fid-dħul ta’ 11.8%.
•
Ħruġ Kapitali: Il-korporazzjoni għamlet disbursement ta’ 92% tal-baġit allokat lejha, żieda ta’ 14% sena fuq sena.
Miri Strateġiċi għall-2023-2033
Il-KSI qed tkompli tmexxi ‘l quddiem il-viżjoni strateġika fit-tul tagħha, bi pjan ta’ investiment ta’ €310.5 miljun, li minnhom €126 miljun huma kofinanzjati mill-UE. Il-proġetti ewlenin jinkludu:
- 100km f’titjib tan-netwerk tal-ilma
- Upgrades fl-impjanti tar-reverse osmosis u titjib fl-infrastruttura tad-drenaġġ
- Rinovazzjonijiet ta’ ġibjuni
Proġetti li Għadhom Għaddejjin u Dawk li Tlestew
- Proġetti tal-Ilma tax-Xorb: 25 proġett fl-istadju pre-tender, u €102.5 miljun ta’ proġetti li qed jiġu implimentati
- Proġetti tad-Drenaġġ: €6.85 miljun f’xogħlijiet kurrenti u €6.5 miljun fi proġetti li
tlestew dan l-aħħar.
Karl Cilia tenna d-dedikazzjoni tal-KSI għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. “Il-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tagħna huwa mfassal biex jiżgura futur fejn is-servizzi tal-ilma jkunu effiċjenti, ikomplu jirrispettaw l-ambjent, u jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-soċjetà tagħna,” qal is-Sur Cilia.