Tuesday, May 14, 2024

Il-kuċċiera tal-karozzini jissieħbu fil-GWU

Jipproponu infurzar tal-liġi u titjib fil-ħarsien taż-żwiemel

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-maġġoranza tal-membri fi ħdan l-Għaqda Kuċċiera tal-Karozzi Tradizzjonali Malti fil-ġimgħat li għaddew issieħbu fil-General Workers’ Union biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar problemi li huma qegħdin jaffaċċjaw fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum u jressqu proposti biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom fi ħdan is-settur.

Il-kuċċier jifhem li huwa għandu bżonn iż-żiemel, però jifhem ferm aktar li dak li għandu quddiemu huwa ħlejqa mill-isbaħ u li fuq kollox irid jieħu ħsiebu. Jemmen li huwa dmiru li jħares l-interessi taż-żiemel u joffrilu l-aħjar kundizzjonijiet. Kien għalhekk li t-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel, f’isem il-membri tal-Għaqda, ressqet għadd ta’ proposti lill-Gvern b’rabta mal-istrateġija nazzjonali għat-trattament xieraq tal-animali.

L-ewwel proposta hi li tiġi infurzata li l-liġi, li titkellem fuq l-użu fit-triq ta’ bhejjem u vetturi miġbuda minn bhima. Qabel ma nħarġet din il-liġi, fil-25 ta’ Ġunju 2016, il-kuċċiera tal-karozzini kellhom bosta taħditiet fejn iddiskutew u ressqu proposti li jitkellmu fuq it-trattament li ż-żwiemel għandhom jingħataw.

Grazzi għal diversi inizjattivi min-naħa kemm tal-kuċċiera u kif ukoll ta’ Transport Malta, f’dawn l-aħħar snin kien hemm titjib fir-rigward ta’ faċilitajiet, li jiggarantixxu titjib fil-ħarsien u fil-kundizzjonijiet taż-żwiemel.

Ġew introdotti bosta miżuri ġodda li jħarsu ż-żwiemel fit-toroq. Waħda mill-aktar miżuri li bħala kuċċiera jaqblu magħha hi li llum il-ġurnata kull żiemel li jopera bil-karozzin għandu ċippa kif ukoll passaport. 

Filwaqt li saħqu li jikkundannaw kull moħqrija fuq iż-żwiemel u li se jkunu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ma jkunx hemm abbużi, il-kuċċiera qalu li biex dawn ma jseħħux hemm bżonn ta’ infurzar tajjeb tal-liġi. 

Saħqu li fix-xhur sħan tas-sajf għandu jkun hemm veterinarji jiċċċekkjaw iż-żwiemel waqt il-ħidma tagħhom. Huma pproponew li dawn jiġu biex jinvistaw il-kundizzjoni ta’ kull żiemel li jkun qed jaħdem f’dak il-jum partikolari. 

Jekk, meta ssir il-vista, iż-żiemel jiġi ċċertifikat li ma jkunx fi stat tajjeb biex iġorr il-passiġġieri, l-awtorità għandha dritt li – tordna li dak iż-żiemel jitneħħa minn fuq ix-xogħol sakemm in-nuqqas jiġi rimedjat, u l-veterinarju jerġa’ jiċċertifikah li huwa tajjeb għall-ħidma. 

Proposta oħra hi li jkun hemm tibdil fl-emenda li l-Gvern kien daħħal f’Lulju tal-2021 fejn jingħad li karozzin bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Awwissu m’għandux jiċċirkola fit-triq fil-ħin ta’ bejn is-1.00 p.m. u l-4.00 p.m.

“Bħala kuċċiera nħossu li tali klawsola għandha tinbidel għaliex ma tħarisx l-interessi taż-żiemel b’mod sħiħ. Qed nissuġġerixxu li l-ebda karozzin m’għandu jinħareġ f’kundizzjonijiet ta’ temp estremi. Il-klawżola attwali mhux qed tagħraf li jista’ jkun hemm temp estrem kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf. Madankollu jista’ jkun hemm temp moderat fiż-żmien imsemmija mill-klawsola attwali.

“B’hekk, aħna qed nissuġġerixxu din il-bidla għaliex il-klawsola mhux qed taqbad l-ispirtu tal-ħarsien taż-żiemel għaliex mhux qed tagħraf li jista’ jkun hemm kundizzjonijiet estremi barra mill-perjodu msemmija u temp tajjeb fil-perjodu tal-klawżola eżistenti,” tennew il-kuċċiera.

L-aħħar proposta li ressqu l-kuċċiera hi li ż-żwiemel għandhom ikollhom shelters adegwati u xierqa. Intqal li tali postijiet għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ dranaġġ tajba b’aċċess għall-ilma u li joffru kenn tajjeb liż-żwiemel.

Il-kuċċiera temmew jgħidu li tul il-ħidma tagħhom jagħmlu kull mezz sabiex joffru l-aħjar kundizzjonijiet u jieħdu ħsieb iż-żwiemel tagħhom bl-aħjar mod. Għalhekk ħassew li huwa obbligu taħghom li jiktbu dawn il-proposti u jgħadduhom lil min huwa kkonċernat għaliex tali suġġerimenti huma fundamentali sabiex iż-żwiemel ikollhom l-aħjar kundizzjonijiet. 

Sport