Saturday, May 4, 2024

“Il-kultura hija l-identità u r-ruħ tal-bniedem u tan-nazzjon”

Ħidma biex il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta titla’ f’livell ogħla u professjonali… Intervista mad-Direttur tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta, Anthony Cassar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta minn dejjem għenet ix-xena kulturali Maltija. Barra li l-Pulizija ta’ kuljum tagħmel ix-xogħol tagħha, fl-1920 twaqqfet il-Banda tal-Pulizija u bil-ħidma tagħha daħlet fix-xena kulturali lokali. Il-Banda tal-Pulizija ta’ spiss kienet jdoqq fil-Palazz tal-President li dak iż-żmien kien il-Palazz tal-Gvernatur, il-Belt Valletta, tant li saret magħrufa bħala l-Banda tal-Palazz. Kienet tieħu sehem f’ħafna kultura, f’ħafna programmi fil-Palazz tal-President, kienet iddoqq meta jiġu persuni distinti f’pajjiżna u fl-Imnarja. Dawn wassal biex daħlet fil-ħajja u t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin. Illum il-ġurnata, fuq 100 sena wara, għadna nieħdu ħsieb il-kultura tal-pajjiż billi ntellgħu ħafna programmi kulturali matul is-sena kollha. Dawn tant saru popolari li n-nies ikunu qegħdin jistennewhom bi ħġarhom”.

Hekk beda biex spjega d-Direttur tal-Banda tal-Pulizija, Anthony Cassar, li kien huwa stess bħala reklutaġġ ġdid fl-età ta’ 25 sena bħala kuntistabbli lura fl-1986, li b’imħabba kbira lejn il-mużika u dedikazzjoni lejn il-Korp, reġa’ beda, irriorganizza u kompla jmexxi sal-lum il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta.

Illum il-ġurnata Cassar huwa irtirat iżda reġa’ ġie msejjaħ biex ikompli jieħu ħsieb din il-Banda fejn f’intervista ma’ IT-TORĊA spjega kif il-Banda ta’ Malta hija parti mit-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna. Fl-istess ħin saħaq fl-importanza li nkomplu nkabbru l-kultura tagħna bħala ġens. Dan għax, hekk kif saħaq, “il-kultura hija l-identità u r-ruħ tal-bniedem u tan-nazzjon. Il-kultura turi inti x’inti”.

Issa, l-akbar xewqa tiegħu hija dik li jgħolli din il-Banda f’livell professjonali. Dan billi jżid il-mużiċisti professjonali privati mal-membri tal-istess banda, liema reklutaġġ isir taħt l-iskema tar-Reserved Police Constables Musicians (RPC Musicians). Din l-iskema ħarġet l-ewwel sejħa f’April tas-sena l-oħra fejn ġew ingaġġati ta’ madwar 30 mużiċisti professjonali u fil-futur viċin mistennija toħrroġ it-tieni sejħa.

Cassar b’sejħa minn ċkunitu…

Il-persuna fit-tmun tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta għal dawn l-aħħar snin u anke issa wara li spiċċa mis-servizz huwa s-Surmast Anthony Cassar li kif qasam magħna, is-sejħa kemm għal pulizija, kif ukoll għall-banda ġietu minn tfulitu.

“Niftakarni li ġietni meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel żgħir. Ir-rigali kollha kont xtaqthom li jkunu strumenti mużikali. Imbagħad ħuti iżgħar minni kienu tħajjru jmorru jitgħallmu l-mużika mal-Għaqda DePaule ta’ Raħal Ġdid għax aħna minn hemm. Jien ridt immur ukoll imma missieri ma riedx iħallini għax beża’ li nitlaq l-iskola u kont ninsisti ma’ ħuti biex jgħallmuni ta’ bilfors u bil-moħbi. Wara bdejt immur il-każin u bdejt minn dakinhar,” irrakkonta bi tbissima Cassar.

Huwa ħareġ idoqq għall-ewwel darba fl-1971 u kien l-aktar li kien idoqq kienu strumenti tar-ramm. Dan avolja kien idoqq anke xi ftit il-kitarra u l-pjanu.

Cassar qalilna li l-Banda tal-Pulizija daħlet f’ħajtu meta huwa ngħaqad mal-Korp. Din kienet wieqfa fl-1980 għax kienu naqsu wisq il-mużiċisti membri fiha. “Għamlu ħafna snin weqfin u f’laqgħa li kienet saret mal-Interpol, reġgħet nibtet ix-xewqa li jerġa’ jkollna banda. Fl-istess żmien ingaġġajt jien bħala kuntistabbli PC1003 u kien bagħat għalija l-Kummissarju fejn staqsieni jekk irridx immexxi l-Banda u jien aċċettajt. Minn dakinhar ma waqaftx u ma ħaristx lura,” spjega Cassar.

Reklutaġġ li mistenni jgħolli l-livell … Mistennija toħroġ it-tieni sejħa

“Illum għalaqt is-62 sena u flok ikkalmajt naqra, aggravajt għax fl-aħħar kelli xi ħaġa f’moħħi u rnexxiet. Dan huwa l-proġett li wellidt jien tal-RPCs. Anke minn kliem il-Kummissarju, dawn l-RPCs kienu żerriegħa li nibtet,” iddikjara b’sodisfazzjon id-Direttur tal-Banda tal-Pulizija.

Fir-rigward spjegalna kif bħalissa din il-Banda għandha mas-60 membru. Din ġieli kellha mas-70 iżda dan in-numru jvarja minħabba li din il-Banda hija waħda ħajja. Min jidħol u min joħroġ inklużi dawk li jispiċċaw mis-servizz. Fil-fatt, kien hemm perjodi li dan l-ammont kien pjuttost inqas. Barra minnhekk, id-Direttur qalilna li mill-pandemija ‘l hawn naqsu ħafna mużiċisti. Konsegwenza ta’ dan, il-kultura ħadet daqqa ta’ ħarta.

“ Allura, jien se noqgħod nistenna qatra qatra mir-reklutaġġ b’wieħed ‘l hemm u ‘l hawn jew se niftaħ sejħa għall-applikazzjonijiet biex indaħħal magħna nies bħala riserva ta’ kuntistabbli tal-Pulizija ħalli jgħinu l-Banda u l-Banda ntellagħha f’livell ieħor? Fehmu l-kunċett li rrid indaħħal jiena u wasalna. Fil-fatt f’April tas-sena l-oħra ħarġet sejħa biex indaħħal magħha mużiċisti privati jdoqqu mal-pulizija. Dawn ma jkunux pulizija proprja imma fil-kunċerti mtella’ mill-Banda tal-Pulizija, dawn jilbsu ta’ pulizija u jdoqqu bħala riserva mal-pulizija l-oħra. Lil dawn RPCs daħħalnihom magħna u l-Banda tal-Pulizija telgħet f’livell ieħor,” kompla d-Direttur tal-Banda tal-Pulizija.

Rekluti jsiru membri tal-Banda imma… L-ewwel obbligu tal-pulizija jibqa’ s-servizz

Cassar qalilna li għal snin twal huwa kellu f’moħħu li jdaħħal mużiċisti professjonali mal-Banda tal-Pulizija. Spjega kif għall-membri ta’ din il-Banda qabel, ma’ kull reklutaġġ, kienu jaraw x’jidħlu u min ikun diġà jaf idoqq, idaħluhom magħhom u jkompli jitħarreġ mal-Banda. Dan ma jsirx ix-xogħol tal-pulizija fuq bażi full time. L-ewwel obbligu tal-pulizija, b’differenza għas-suldati membri tal-Banda tal-Armata, jibqa’ s-servizz.

“Dawn jagħmlu x-xogħol tagħhom normali u mbagħad jattendu r-rehersals darbtejn fil-ġimgħa biex jipprattikaw għall-attivitajiet li jkunu ppjanati għall-Banda tal-Pulizija. Ġieli jkunu jistgħu jiġu u ġieli le għax jinqabdu bix-xogħol minħabba l-eżiġenzi tax-xogħol. Dan b’differenza għall-Banda tal-Armata li l-mużiċisti tagħhom huma full-time. Għalina mhiex ħaġa faċli. Anke sempliċiment biex torganizzahom iebsa imma, minkejja dan, il-Banda tal-Pulizija xorta tagħmel sforz u ħilitha kollha biex itella’ kunċerti sbieħ,” kompla Cassar.

Minn dak li qalilna d-Direttur tal-Banda tal-Pulizija, is-sistema ta’ mużiċisti professjonali fil-banda tal-pulizija ssir f’ħafna pajjiżi oħra fl-Ewropa fosthom fi Brussels u fir-Renju Unit. Spjega li l-RPC Musicians il-ġodda diġà għamlu l-ewwel parata tagħhom f’Jannar li għadda meta laħqu r-rekluti l-ġodda fil-Passing Out f’Ta’ Kandja. Wara dawn kienu impenjati fl-aħħar programmi mtella’ tal-Ġimgħa Mqaddsa li għadna kemm iċċelebrajna f’pajjiżna.

Cassar elabora li, “wara se nkomplu bit-taħriġ tal-parati għax hemm ippjanata parata oħra tal-Protezzjoni Ċivili fis-26 ta’ dan ix-xahar. Se ndoqqulhom aħna. Barra minnhekk għandna stedina barra minn Malta fejn fost l-oħrajn se nagħmlu kunċert f’Katidral u f’teatru ma’ banda oħra. Għalhekk, jekk Alla jrid, dawn ir-rekluti se jieħdu sehem għall-ewwel darba f’show spettakolari barra minn Malta”.

Trasformazzjoni fil-Korp u oħra fil-Banda tal-istess Korp

Cassar spjega kif dan ir-reklutaġġ tal-RPC Musicians huwa parti mit-trasformazzjoni tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta. Qal kif, “il-Kummissarju qiegħed jagħmel it-trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u lilna, bħala uffiċjali, kien qalilna biex ngħinuh f’din it-trasformazzjoni. Jien għażilt li ngħin fit-trasformazzjoni tal-Banda, li nista’ ngħid huwa li din qiegħda ssir b’serjetà”.

Meta l-Banda bdiet fil-1920 kien fi żmien tal-inwkiet tal-1919 tas-Sette Giugno. L-awtoritajiet kien ġabu f’pajjiżna lil-Logutenent Kurunell Henry William Bamford ħalli jirranġa dan l-inwkiet. Cassar elabora li, “kif dan ġie, kien għamel trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija fejn irranġa u għamel il-Banda. Illum, 100 sena wara, qiegħed jerġa’ jiġri l-istess. Dan il-Kummissarju qiegħed jittrasforma l-Korp u jien dik tal-Banda. Illum qegħdin jinbidlu ħafna affarijiet”.

“Ma ngħix bla mużika u bla Banda tal-Pulizija”

Min-naħa tiegħu dan id-Direttur ma jgħix bla mużika u bla Banda tal-Pulizija. “Dan għax jiena qiegħed ukoll assistent surmast mal-Banda King’s Own tal-Belt u hija ta’ sodisfazzjoni. Imma, is-sodisfazzjon li tagħtini l-Banda tal-Pulizija u anke meta jkolli ħsieb li jimmaterjalizza ruħu, hija indeskrivibbli. Fosthom li nkunu fil-post jew fil-Katidral u nara li l-programm irnexxa. Pereżempju s-sena l-oħra, f’April, kellna l-Kon Katidral ippakkjat bin-nies. Litteralment ma kienx hemm siġġu vojt u barra, fuq iz-zuntier, kien mimli bit-turisti li ma ċċaqalqux minn hemmhekk.

Meta nara s-sodisfazzjon tan-nies u anke l-Kummissarju jgħidli prosit, nista’ ngħid li din hija sensazzjoni inkredibbli. Din hija s-sodisfazzjon tiegħi”.

Illum il-ġurnata, fuq mitt sena wara, il-Banda tal-Pulizija għadha tieħu ħsieb il-kultura tal-pajjiż fejn ittella’ ħafna programmi kulturali matul is-sena kollha fosthom fl-ewwel ħmistax ta’ Lulju għall-okkażjoni tal-Police Week. Hawn idoqqu f’diversi postijiet turistiċi inklużi Tas-Sliema, Bugibba, Marsascala, l-Imdina u Marsalforn f’Għawdex. Isiru kunċerti wkoll fil-Katidral tal-Imdina, fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, fil-Katidral Anglikan ta’ San Pawl u fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Dan b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ festi li għadna kemm iċċelebrajna tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Min-naħa tiegħu Anthony Cassar assigura li l-kunċerti kollha li tagħmel il-Banda tal-Pulizija huma sbieħ b’mużika tal-widna. Issa, b’dawn ir-reklutaġġi l-ġodda bħala riserva fil-Banda tal-Pulizija Cassar irnexxielu jilħaq il-ħolma li kellu. Però, Cassar, li dejjem jirmaħ x’se jagħmel iżjed għax dan huwa l-passtemp u x-xogħol tiegħu, ħa ħsieb li jiċċara li għadu ma wasalx fejn irid huwa. Dan għax huwa litteralment irid li jġib il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta f’livell professjonali għoli tant li tkun waħda fost l-aqwa f’Malta. Din hija l-missjoni tiegħu għas-snin li ġejjin.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport