Saturday, May 4, 2024

IL-PENSJONIJIET

Aqra wkoll

Il-Ħadd, 25 ta’ Frar li għadda minn din il-paġna kkummentajt dwar attentat min-naħa ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-futur tal-pensjonijiet. Esponenti li ttantaw jbeżżgħu u jqanqlu suspetti fost il-poplu. Kont ikkummentajt hekk: Jekk hawn qasam fix-xena politika lokali li jkun għaqli għall-Partit Nazzjonalista li dwaru jżomm profil baxx kemm jista’ jkun huwa l-qasam tal-pensjonijiet. Fejn jidħlu pensjonijiet, il-Partit Nazzjonalista jkun jaqbillu ferm jekk iżomm ħalqu magħluq. L-istorja politika ta’ pajjiżna turina sa mill-bidunett tal-introduzzjoni tal-pensjonijiet li l-Partit Nazzjonalista kien kontrihom. Saħansitra kienu vvotaw kontra l-introduzzjoni tal-pensjonijiet għax skont huma dawn kienu se jservu biex l-anzjani jixorbuhom inbid!

Dan kien biss parti mill-kummentarju tiegħi u għadni tal-istess opinjoni.

Laqatni ħafna l-Ħadd li għadda artiklu li kellu fil-gazzetta The Sunday Times of Malta, Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, dwar l-istess suġġett imma bi tweġiba għal editorjal li l-istess gazzetta kellha riċentement. Il-gazzetta implikat li l-pensjonijiet huwa f’sitwazzjoni ta’ bomba tal-ħin. B’dak kollu li ovvjament terminu bħal dan ifisser.

Għamel ferm sewwa l-Ministru Falzon li fl-ewwel sentenza tiegħu għamilha ċara li fil-fatt dwar il-pensjonijiet m’hemm ebda bomba tal-ħin. Għamel sewwa li ddeskrieva dak it-terminu bħala wieħed użat minn dawk li dejjem raw kif għamlu biex jimminaw is-sistema ta’ benesseri. Spjega kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga b’mod statutorju lill-Eżekuttiv biex kull ħames snin jirrevedi b’mod strateġiku s-sistema tal-pensjonijiet. Reviżjoni li wasslet għal tibdiliet sostanzjali li tejbu s-sostenibilità.

Michael Falzon ta eżempju ċar ta’ dan u wera kif ir-reviżjoni strateġika li kienet saret fl-2010 kienet bassret li sas-sena 2060 id-deficit tal-pensjonijiet kien se jkun ta’ 5.8% tal-Prodott Domestiku Gross (GDP). L-aħħar reviżjoni, dik tas-sena 2020, uriet li tali defiċit kien se jkun ta’ 2%.

Fallaċi wkoll huwa l-argument li l-Gvern kien imbotta għal konsum eċċessiv. Jirriżulta li s-sena li għaddiet il-konsum tal-familji Maltin f’termini reali kien ta’ €6.8 biljun. Ċifra li tirrifletti 44% tal-GDP. Lura lejn is-sena 2012 dan il-persentaġġ kien ta’ 55%. Ekonomikament il-GDP tal-pajjiż kiber permess ta’ żjieda fl-esportazzjoni u mhux fil-konsum.

Fejn jirrigwarda tqassim tal-ġid il-Bank Ċentrali Ewropew juri li l-familji Maltin għandhom ġid li huwa ekwivalenti għal aktar minn sitt darbiet tal-GDP. Ras għal ras illum il-familji Maltin għandhom id-doppju tal-assi li kellhom fl-2012 u huma 25% aktar sinjuri mill-medja tal-familji fiż-Żona Ewro.

Ir-raġuni ewlenija għal dan huwa t-titjib straordinarju fir-rata tal-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol. Sas-sena 2012 konna s-Cinderella tal-Ewropa fejn jirrigwarda parteċipazzjoni femminili fid-dinja tax-xogħol. Illum ninsabu mal-ogħla pajjiżi. Mis-sena 2013 ‘il hawn dawk dipendenti fuq l-għajnuna soċjali naqsu bin-nofs filwaqt li dawk ifittxu x-xogħol huwa wieħed minn kull sebgħa li kien fl-istess perjodu. Illum għandna l-inqas rata baxxa ta’ persuni jfittxu x-xogħol.

Dawn is-sitwazzjonijiet ma ġewx mix-xejn. Ma waqgħux mis-sema. Huma riżultati ta’ innovazzjonijiet bħalma huma ċ-childcare b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji soċjali u l-in-work benefit. Dawn huma riformi li kisbulna r-rispett ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, riformi li biddlu s-sistema tal-benesseri soċjali tagħna, minn waħda li tippenalizza x-xogħol għal waħda li toħloq inċentiv għal min imur jaħdem.

Nista’ nibqa’ għaddej nikkwota mill-artiklu tal-Ministru Michael Falzon, artiklu li minnu toħroġ l-istampa vera tas-sitwazzjoni. Stampa totalment differenti minn dik li hawn min qed jipprova jpinġi.

Madankollu xorta se nagħlaq bi kwotazzjoni oħra mill-kitba tal-Ministru Michael Falzon: Bl-ebda mod ma jfisser li għandna nistrieħu fuq is-suċċessi tagħna imma li tgħid li hemm bomba tal-ħin imminenti (fejn jikkonċerna pensjonijiet) jikkontradixxi l-fatti.
[email protected]

Presidenza ġdida

Nhar il-Ħamis li għadda kompliet tinkiteb l-istorja tal-Presidenza Maltija. In-Nutar Miriam Spiteri Debono ngħatat il-ġurament tal-ħatra bħala l-11-il President tar-Repubblika wara l-approvazzjoni unanima tal-Parlament. Il-President attwali hija t-tielet mara li qegħda tokkupa din l-ogħla kariga wara Agatha Barbara u Marie-Louise Coleiro Preca. It-tlieta mill-kamp Laburista. It-tlieta b’għeruq sodi fejn jidħol il-benesseri tal-poplu, partikolarment taż-żgħir u l-batut.

Repubblika żagħżugħa, li rat twelidha fit-13 ta’ Diċembru 1974. Repubblika li minkejja li għal twelidha kien hemm l-approvazzjoni tal-maġġoranza tad-Deputati Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, is-sinifikat ewlieni tagħha jibqa’ imnaqqax fil-Partit Laburista. Kien il-Partit Laburista fil-Gvern li qata’ l-ktajjen li kienu jxekklu mixjet pajjiżna. Ktajjen li mbagħad inqatgħu kompletament fil-31 ta’ Marzu 1979, Jum il-Ħelsien.

Sinifikat ewlieni fejn jidħol il-Partit Laburista u l-Presidenza tar-Repubblika huwa l-ħatra ta’ mara għal din il-kariga. Għal ħaddieħor is-sinifikat ewlieni jibqa’ wieħed storiku wkoll. It-tpartit tas-siġġu ta’ Prim Ministru ma’ dak ta’ President tar-Repubblika.

Il-kapaċitajiet ta’ Miriam Spiteri Debono huma magħrufin aktar minn biżżejjed. Il-kariga tagħha ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati bejn is-sena 1996 u l-1998 huma prova ħajja.

L-isbaħ xewqat għal ħames snin ta’ presidenza lill-President tar-Repubblika Miriam Spiteri Debono kif ukoll lill-Avukat Francis Zammit Dimech li se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Aġent President fin-nuqqas tal-President. Ħajr lill-predeċessur, it-Tabib George Vella għal ħidmietu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport