Monday, May 13, 2024

REBĦA OĦRA GĦALl-KAĊĊATURI

Aqra wkoll

Il-Qorti fl-aħħar minuti ħarġet digriet li bih qed terġa’ tiċħad it-talba ta’ Birdlife Malta biex ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema

L-Imħallef Francesco Depasquale fid-digriet qal li l-Qorti mhux qiegħda tilqa’ t-talba tal-NGO biex ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għall-gamiem.

Kien fit-3 ta’ April li għadda meta il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet laqgħet proviżorjament mandat ta’ inibizzjoni mitlub minn Birdlife Malta kontra l-Ministeru ta’ Għawdex biex ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema għax sostniet li hija speċi vulnerabbli.

Birdlife kienet qalet li l-Qorti għandha twaqqaf lill-Gvern milli jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis u b’hekk ma jagħtix permess li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa fuq il-gamiem għax skont l-NGO din hija speċi vulnerabbli.

L-Imħallef Depasquale fis-sentenza li ta nnota li din hija t-tielet sena li Birdlife Malta talbet dan it-tip ta’ mandat b’argumentazzjoni simili.

Innota li mid-dokumentazzjoni ppreżentata ma jidher imkien li kien hemm xi tibdil sostanzjali fiċ-ċirkostanzi li bihom l-Qorti tista’ tagħti deċiżjoni differenti.

L-Imħallef qal li Wild Bird Regulation Unit għamlet rapport dettaljat u studjat tajjeb ħafna li ġie kkunsidrat u diskuss waqt il-laqgħat tal-Kumitat Ornis u fuq dan ir-rapport saret id-deċiżjoni li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa.

Il-Qorti qalet li kienet qiegħda taqbel mas-sottomissjonijiet ippreżentati mill-FKNK u anke mill-Ministru Clint Camilleri li kollha jgħidu li t-telf tal-gamiem hu attribwibbli, fost affarijiet oħra, għall-qtil ta’ tali għasafar waqt il-vjaġġ migratorja tagħhom mill-Afrika lejn l-Ewropa, hija ferm diffiċili li jitqies li hija proprja l-kaċċa fil-ġimagħtejn ta’ April fuq Malta, fejn huwa permess jinqabdu sa massimu ta’ 1,500 gamiema fuq medda ta’ 14-il ġurnata hija l-kawża prinċipali li l-popolazzjoni tal-gamiem fl-Ewropa u anke fid-dinja qiegħda tonqos.

B’hekk din qiegħda titqies bħala rebħa oħra għall-kaċċaturi Maltin hekk kif il-Ministru Clint Camilleri ddefenda dan id-delizzjoni fil-Qorti ta’ Malta.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti f’post fuq il-midja soċjali qalet li hija ġiet awtoriżżata tkun parteċipi f’din il-Kawża bħala rappreżentanta ta’ l-akbar amont ta’ kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin, tinsab sodisfatta li għal darb’oħra s-sewwa rrenja.

“Dan kien it-tielet attentat li l-Birdlife Malta pprovaw iwaqfu staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa magħtul dawn it-tlett snin konsekuttivi.

Il-FKNK tieħu din l-opportunità biex tirringrazzja lil Avukati tal-iStat għad-difiza tagħhom, kif ukoll lill-Gvern għall-impenn biex jiddefendi din il-prattika tradizzjonali.”

Kif kien propost li l-kaċċa għas-summien se tiftaħ mill-10 sat-30 t’April filwaqt li l-kaċċa għall-gamiem se tiftaħ mis-17 sat-30 t’April, iż-żewġ ġranet inklużi għaż-żewġ staġunijiet. Iżda l-Gvern se jkun qiegħed iħabbar id-dati u l-ħinijiet eżatti fil-ħinijiet li ġejjin.

Intant il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri f’kummenti li ta dwar id-deċiżjoni tal-Qorti qal “il-Gvern kif wiegħed ħa l-passi kollha sabiex ftit tal-minuti ilu żgura li jitwaqqa’ l-mandat ta’ inibizzjoni li kien ġie aċċettat proviżorjament mill-Qorti wara talba mill-Birdlife Malta.

Għalhekk, il-Gvern ser ikun qed jipproċedi kif pjanat bil-leġiżlazzjoni għall-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema fil-ġranet li ġejjin.

Aktar minn hekk, fis-sigħat li ġejjin ser jitħabbru d-dati tal-kaċċa fir-rebbiegħa wkoll għas-summiena.

Il-Gvern huwa kommess li ma jiġu tollerati ebda manuvri leġalistiċi li l-uniku skop tagħhom huwa li jmorru kontra l-vot tal-poplu. Il-kelma tagħna nżommuha b’rispett sħiħ lejn il-liġi u l-qrati tagħna u dan minkejja l-ostakli kollha li jitpoġġew quddiem il-Gvern.

Il-poplu fdana b’mandat ċar biex immexxu għal dak li vvota għalih, u hekk ser nagħmlu.”

Sport