Il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew faħħar lill-Gvern Malti tal-isforzi u l-għajnuna tiegħu fl-organizzazzjoni ta’ diversi laqgħat li saru fil-kuntest taż-żjara li għamlu membri tal-istess Kumitat bejn it-23 u l-25 ta’ Mejju li għadda. Dan ir-rikonoxximent ingħata f’ittra li ċ-Chairman tal-istess Kumitat Juan Fernando López Aguilar bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu.
Fl-istess ittra jingħad li l-membri tad-delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Intern fi ħdan il-PE – Vladimír Bilčík, Franco Roberti, Sophie In’t Veld, Gwendoline Delbos-Corfield, Nicolaus Fest u Konstantinos Arvanitis – kienu sodisfatti biż-żjara tagħhom f’pajjiżna.
Intqal li din tathom l-opportunità li jirċievu iżjed informazzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, is-sigurtà tal-ġurnalisti, ir-riformi riċenti li saru fil-qasam tal-ġustizzja, il-miżuri li qed jieħu l-Gvern kontra l-korruzzjoni u kien hemm skambju ta’ opinjonijiet dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Id-delegazzjoni laqgħet numru ta’ riformi li raw il-bidu tagħhom taħt din l-amministrazzjoni jew li tpoġġew fuq l-aġenda nazzjonali sa mill-aħħar żjara tagħhom f’Diċembru tal-2019. Ewlenin fost ir-riformi li saru hemm il-bidliet fil-ħatra tal-ġudikatura u l-mod kif jinħatar il-Prim Imħallef kif ukoll ir-riforma fil-metodu ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Issaħħet ukoll il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni filwaqt li l-President tar-Repubblika se jkun maħtur bil-vot ta’ żewġ terzi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Ma’ dawn hemm ukoll is-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat.
Il-membri tad-delegazzjoni tal-Kumitat LIBE filwaqt li rrikonoxxew l-isforzi ta’ Malta fejn tidħol is-saltna tad-dritt, kienu rrimarkaw li għad fadal xi jsir b’mod partikolari fejn jidħol il-proċess ġudizzjarju, bil-Prim Ministru jenfasizza l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem fuq aktar riformi anke f’dan il-qasam.
Sadanittant, fl-ittra jissemma wkoll li l-Kumitat LIBE se jkompli jsegwi l-iżviluppi f’Malta u jħarsu ‘l quddiem biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni tajba li hemm bejn iż-żewġ naħat.
Din l-ittra ssegwi d-deċiżjoni tal-FATF, li neħħiet lil Malta mil-lista l-griża. L-FATF innutat li pajjiżna wettaq il-pjan ta’ azzjoni li kien ġie maqbul f’Ġunju tal-2021 u dan il-pjan ġie implimentat fi 12-il xahar biss.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien iddeskriva d-deċiżjoni tal-FATF bħala “konferma oħra tal-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli timmodernizza lil dan il-pajjiż mhux l-inqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet. Konferma oħra ta’ Gvern riformista, impenjat li jwettaq dak li jwiegħed.”