Saturday, May 4, 2024

Il-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali se jkun qed jgħarbel l-għoti tal-warrants

Aqra wkoll

Il-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali se jkun qed jgħarbel l-għoti tal-warrants għal madwar mitt kandidat għall-professjoni ta’ Avukat u għaxar kandidati għall-professjoni ta’ Prokuratur Legali.

Dan bl-istess sistema li ntużat matul is-snin.

Din id-deċiżjoni se twassal biex dawk li għaddew mill-eżami tal-warrant u mill-iskrutinju tal-Kumitat skont il-prassi tal-passat ikunu jistgħu jidħlu fil-professjoni u fid-dinja tax-xogħol mill-aktar fis.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali li għamel dan il-pass fin-nuqqas ta’ linji gwida approvati dwar kandidati tajba u xierqa.

B’dan l-iżvilupp ma jfissirx li se jieqfu d-diskussjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja se jkompli bil-ħidma biex mill-aktar fis jintlaħaq qbil fuq regoli u l-linji gwida li jiddeterminaw kandidat idonju, bl-għan li tissaħħaħ il-professjoni legali, mingħajr ma jkunu invażivi aktar milli hemm bżonn fil-ħajja personali ta’ kandidati.

Il-Ministru Attard irringrazzja lill-Kamra tal-Avukati u l-għaqdiet tal-istudenti għall-koperazzjoni u l-impenn tagħhom u saħaq li se jkompli jaħdem qatigħ biex il-professjoni tiġi regolata kif jixraq, u dan billi jitwettqu r-riformi leġiżlattivi meħtieġa.

Sport