Saturday, April 27, 2024

5 ĦSIBIJIET FUQ L-EWWEL 100 JUM

Aqra wkoll

Minkejja ċirkostanzi internazzjonli bla preċedent, l-ewwel mitt jum tal-gvern Laburista raw kisbiet importanti fil-qasam tal-governanza flimkien ma progress soċjali li ma waqaf xejn u andament ekonomiku f’saħħtu avolja l-għoli tal-ħajja qed jgħolli rasu sew. Fuq l-iżvilupp nemmen li nistgħu naghmlu aktar u ħafna ahjar. Dan waqt li ma ninsewx lil dawk l-eluf li għall-ewwel darba u għal ragunijiet differenti qed iħossuhom ‘il bogħod wisq mill-partit li dejjem ħabbew. 

Fuq l-FATF: Wettaq aktar milli wiegħed 

 Waħda mil-akbar kisbiet fl-ewwel mitt jum tal-gvern ta Robert Abela żgur kienet il-hrug ta Malta mil-lista l-griża. Dan huwa fuq kollox ir-riżultat tal-kredibilità li l-Prim Ministru Abela rnexxilu jittrażmetti fil-gvern Malti f’ghajnejn istituzzjonijiet barranin u pajjiżi kbar wara dak kollu li ġara fl-aħħar tal-2019.

Jgħid x’jgħid kulħadd Robert Abela, mingħajr ħafna daqq ta trombi ha deċiżjonijiet fil-kuntest tas-saltna tad-dritt, li kull Prim Ministru qablu fl-aħħar 20 sena tefagħhom taħt it-tapit. Dan wassal biex Malta ħarġet mil-lista l-griża f‘anqas minn sena meta ma ninsewx li kulħadd kien qiegħed jantiċipa li l-ewwel reviżjoni għal pajjiżna kellha issir wara 18-il xahar. 

Mhux hekk biss, ir-riformi kollha li saru biex dan iseħħ saru waqt pandemija. Minkejja kriżi ġo kriżi, Abela irnexxielu jikseb rapport pożittiv biex l-istess FATF u l-Kummissjoni Ewropea llum tirrakkomanda lil pajjiżi oħra jsegwu l-eżempju ta’ Malta.

Ritmu ekonomiku f’saħħtu – attent fuq l-għoli tal-ħajja

Kisba oħra fl-ewwel mitt jum li forsi mhux apprezzata biżżejjed hija li l-ekonomija Maltija qeda tikber b’ritmu tajjeb ħafna. Fil-fatt Malta għandha bħalissa l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, bl-inqas rata ta qagħad li qatt kellna fl-istorja. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni.

Dan hu sempliċiment frott deċiżjonijiet iebsa li ħa Robert Abela meta ffaċċjat bl-akbar kriżi ekonomika fl-istorja. Forsi mhux kulħadd japprezza li Abela, investa kważi €2 biljuni fil-ħaddiema u min iħaddimom biex jipproteġi l-qafas tal-ekonomija Maltija meta in-negozju globali waqaf ħesrem. Ħadd qablu ma kellu l-piż ta’ dawn id-deċiżjonijiet. 

L-għoli tal-ħajja qed jinħass minn kulħadd. 

Anke hawnhekk Abela fl-ewwel mitt jum tiegħu ħa deċiżjonijet finanzjarjament iebsin li qeghdin jiprotegu lin-nies. Il-fatt li investa mal 400 miljun ewro biex iżomm il-prezzijiet tal-fjuwils u tal-elettriku stabbli huwa kruċjali biex l-għoli tal-ħajja ma jiżdiedx bl-istess rati li qed jiżdied fl-Ewropa kollha. 

Forsi mhux napprezaw biżżejjed dak li qed isir f’pajjiżna. 

Ħaddieħor, fi krizijiet ħafna iċken għadda l-kont lin-nies. 

Robert Abela u l-gvern tiegħu għamel eżatt l-oppost. Minkejja l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna ma qalax għajnejh minn fuq in-nies. 

Impekkabli fuq l-IVF

Fuq l-IVF, il-gvern laburista rega wera ghal darb ohra fejn thabbat il-qalb socjali u progressiva tieghu. Waqt il-kampanja elettorali Abela dejjem qal li fil-qasam tad-drittijiet civili importanti li ma nieqfux inharsu il-quddiem u ma nistrihux fuq is-successi tal-passat. Issa mijjiet ta genituri prospettivi jistghu ikollhom l-ulied f’pajjizhom stess flok jonfqu l-eluf barra minn xtutna. 

Sa dan it-tant l-opposizjoni nazzjonalisti ghada mifxula u ghal darb ohra irnexila titgerbeb f’saqaja bhal ma dejjem gara quddiem kull ligi progressiva li kella quddiema fl-ahhar ghaxar snin u fuqhom.

Żvilupp: affarijiet li dejqu lin-nies 

L-ewwel mitt jum kienu pero karaterizzati wkoll minn episodji li dejqu lin-nies. Il-permess tal-pool f’ODZ ġewwa Għawdex u id-debacle totali ġo Kemmuna dejqu ruxmata nies li diga mdejqin bil-livell qawwi ta kostruzzjoni fil-pajjiż. 

Dawn l-affarijiet, flimkien mad-deċiżjoni – apparentement mingħajr konsultazjoni – li jiġi estiż il-ħin tal-mużika ġewwa l-Belt Valletta komplew jirrinforzaw l-idea fl-imħuħ ta’ ħafna li fuq l-iżvilupp il-gvern m’għandux ir-rieda li jkun f’saħħtu daqs kemm hu f’saħħtu fuq l-ekonomija u fil-qasam soċjali. 

Agħar minn hekk dawn id-deċiżjonijiet (jew l-indeċiżjonijiet) dejjem jibbenefikaw minnhom il-ftit għas-skapitu tal-ħafna. 

U dawk is-sittin elf li baqgħu d-dar ?

Għall-ewwel darba f’ħafna snin, il-poplu qisu bired ftit mill-politika. Mhux idea daqshekk ħażina meta tqis li ilna mill-2008 f’election mode permanenti ma taqta’ xejn. Mandakollu wieħed ma jridx jinsa numru rekord ta’ nies li ddeċidew li ma jivvutawx fl-aħħar elezzjoni. 

Huwa vera li l-Partit Nazzjonalista kien l-akbar tellief ta din l-apatija imma anke l-partit laburista tilef eluf ta’ votanti li s-soltu kienu joħorġu jivvutaw bi ħġarhom. Dan apparti numru mdaqqas ta’ laburisti li ddeċidew li jivvutaw fl-aħħar sigħat nhar l-elezzjoni. 

Fl-ewwel mitt jum nħoss li seta sar aktar biex il-leħen ta nies ġenwini li huma mdejjqin b’affarijiet li seħħew jew b’ohrajn li kellhom issiru u ma sarux jinstema’ aktar. Dan proċess importanti li jekk issir kapaċi jġib lura lin-‘nagħaġ il-mitlufa’ imma jekk ma jsirx bis-serjetà kapaċi jnaffar aktar nies ‘il bogħod mil-partit li għadhom iħobbu. 

Sport