Saturday, May 4, 2024

Kors minn Tech.mt biex in-negozji jadattaw ruħhom għat-trasformazzjoni diġitali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ħabbar li Tech.mt ġiet akkreditata bħala istituzzjoni edukattiva mill-Malta Further & Higher Education Authority. Ġie mniedi wkoll il-kors Excelerate, bl-għan li jinkoraġġixxi lin-negozji biex jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali neċessarja fil-ħajja tal-lum, billi jinvestu fit-teknoloġija ‘cloud’.

Tech.mt hija fondazzjoni li l-għan prinċipali tagħha hu sabiex tippromwovi s-settur tat-teknoloġija f’Malta u lil hinn minn xtutna. Matul l-aħħar tliet snin, Tech.mt ħadmet fil-qrib ma’ istituzzjonijiet edukattivi, ambaxxati, u negozji kbar, żgħar u medji.

Il-Ministru Schembri qal li l-involviment u l-implimentazzjoni tat-teknoloġija f’pajjiżna huwa dak li se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija. “Huwa fl-interess tagħna li nibnu pajjiż fuq it-talent Malti, fuq ir-riżorsi umani li għandna, u billi nippromwovi l-innovazzjoni u l-kreattività. Edukazzjoni intensiva fuq it-teknoloġija huwa l-pass li jmiss għall-ekonomija diġitali b’saħħitha.”

Huwa qal li ż-żewġ suċċessi mħabbra llum jagħqdu t-tagħlim mal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, speċjalment għan-negozju.

Il-Ministru Schembri temm jgħid li d-diġitilizzazzjoni se tagħti lin-negozji l-opportunità biex ikunu aktar effiċjenti, iżidu l-qligħ, kif ukoll itejbu lilhom infushom billi jagħtu l-aħjar esperjenza lill-klijenti tagħhom.

Għal dawk in-negozji u individwi li se jagħżlu li jipparteċipaw fil-kors Excelerate f’livell ta’ MQF Level 3, il-kors se jkollu diversi suġġetti fosthom: Digital Strategy; Cloud Migration; ERP; CRM; Security & Backup; Web Development & Design; u Groupware & Collaboration.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur https://tech.mt/.

Sport