Waqt żjara uffiċjali f’Malta, il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Sostenibbli u t-Turiżmu, Apostolos Tzitzikostas, iltaqa’ mal-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, Chris Bonett, għal diskussjonijiet dwar il-futur tat-trasport marittimu Ewropew, l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta bħala pajjiż gżira.
Il-Ministru Chris Bonett laqa’ lill-Kummissarju fil-faċilità tal-Onshore Power Supply fil-Port il-Kbir, infrastruttura avvanzata li tippermetti lill-vapuri li jitfu l-magni ġewwa l-Port.
Is-sistema, li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’port Mediterranju, hija disponibbli fuq ħames mollijiet fil-Port il-Kbir u hija mfassla biex tnaqqas l-emissjonijiet fil-port sa massimu ta’ 90%. Dan l-investiment għandu benefiċċji diretti għall-kwalità tal-arja u għall-ambjent, b’mod partikolari għall-eluf ta’ familji li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
Sadanittant, il-Ministru Bonett spjega wkoll kif għaddejjin ix-xogħlijiet fuq it-tieni fażi ta’ dan il-proġett fuq partijiet oħra tal-Port il-Kbir, inkluż iż-żona fejn pajjiżna jirċievi l-vapuri tal-merkanzija. Barra minn hekk, qed jitwettqu installazzjonijiet oħra ta’ OPS fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa.
Dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala wieħed mill-pajjiżi l-aktar imħejjija fl-Ewropa biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-vapuri waqt li jkunu fil-portijiet, filwaqt li joffri infrastruttura marittima moderna u sostenibbli.
Wara ż-żjara fil-Port il-Kbir, il-Kummissarju Ewropew kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru Chris Bonett, fejn ġiet diskussa l-importanza strateġika tas-settur marittimu għal Malta u l-isfidi partikolari li jaffaċċja pajjiżna bħala gżira. Matul il-laqgħa, il-Ministru Bonett enfasizza li Malta tiddependi mill-baħar biex tirċievi l-provvisti essenzjali, inkluż l-ikel u l-mediċini. Huwa spjega kif il-politika u l-leġislazzjoni Ewropea fis-settur tat-trasport għandhom iqisu r-realtajiet speċifiċi ta’ pajjiżi bħal Malta u l-ħtieġa li tinżamm konnettività affidabbli u kompetittiva.
Il-Ministru saħaq li Malta tappoġġja t-tranżizzjoni lejn trasport marittimu aktar nadif u sostenibbli, iżda li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida m’għandhiex ixxekkel il-konnettività tal-pajjiż jew iddgħajjef il-kompetittività tiegħu. “Malta hija impenjata li tkompli tinvesti f’teknoloġiji u infrastruttura li jnaqqsu l-emissjonijiet u jikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli. Madankollu, irridu niżguraw li t-tranżizzjoni ma ssirx għad-detriment tal-konnettività jew il-kompetittività tas-settur marittimu Malti,” qal il-Ministru Bonett.
Il-Ministru Bonett qal li Malta se tkun il-pont biex jintlaħaq ftehim bejn diversi Stati Membri dwar il-futur ta’ din l-industrija. Huwa temm billi tenna li Malta se tkompli taħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri komuni ta’ dekarbonizzazzjoni, filwaqt li jiġu mħarsa bis-sħiħ id-drittijiet, l-interessi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta.

