Il-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali qed jappoġġja l-Music Summit Malta 2026, li qed jittella’ bejn it-8 u d-9 ta’ Ottubru fil-Hard Rock Hotel f’San Ġiljan, b’inizjattivi konkreti mmirati biex aktar żgħażagħ Maltin jingħataw aċċess għal opportunitajiet, netwerks u esperjenzi fl-industrija tal-mużika.
Il-Music Summit Malta huwa l-ewwel summit iddedikat għat-teknoloġija u l-industrija tal-mużika fil-Mediterran u qed jiġbor flimkien aktar minn 45 kelliem internazzjonali u lokali f’erba’ binarji differenti, fosthom professjonisti, artisti, investituri u persuni ewlenin mill-industrija tal-mużika. Fost il-kelliema hemm John Acquaviva, Kenny Larkin, Andrea Rosen minn Best Nights VC u Lexi Todd minn Primary Wave Music.
Bħala parti mill-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva, il-Ministeru qed jiffinanzja 100 biljett b’xejn għal żgħażagħ taħt it-30 sena li qed jaħdmu jew jiżviluppaw il-karriera tagħhom fl-industrija tal-mużika. Din l-inizjattiva qed tagħmilha possibbli għal aktar żgħażagħ li jkollhom aċċess dirett għal summit li jiġbor flimkien rappreżentanti ta’ labels internazzjonali, A&Rs, investituri u fundaturi mill-industrija.
Minbarra l-aċċess għas-summit, iż-żgħażagħ Maltin qed jingħataw ukoll opportunità biex ikunu protagonisti permezz tal-Rising Talent showcase, fejn DJs u producers żgħażagħ Maltin qed ikollhom l-opportunità jtellgħu l-mużika tagħhom quddiem professjonisti internazzjonali mill-industrija. B’hekk, iż-żgħażagħ mhux biss qed jingħataw siġġu f’dan l-ispazju, iżda wkoll pjattaforma fejn it-talent tagħhom jista’ jkun osservat u jiġi żviluppat f’opportunità professjonali.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia qal li investiment fiż-żgħażagħ għandu jwassal għal opportunitajiet konkreti. “L-ewwel edizzjoni tal-Music Summit se tagħti opportunità liż-żgħażagħ jiskopru t-talenti tagħhom, nagħtuhom l-opportunità jimirħu fil-karrieri tagħhom u dawk huwa l-involviment tagħna bħala Gvern li nkomplu noffru dawn l-ispazji liż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu jimirħu,” qal il-Ministru Farrugia.
Min-naħa tiegħu, il-fundatur ta’ dan is-summit, Aidan Somers qal kif dan is-summit qed isir biex jagħqdu t-talent lokali ma’ dak barrani. “Hekk qed nagħtu opportunitajiet lin-nies lokali billi noħolqu konnessjonijiet ma’ nies minn barra u fl-istess ħin insaħħu l-industrija li għandna Malta bil-mużika.”

