Tuesday, December 24, 2024

Il-Kummissjoni Elettorali tisħaq li ma tagħmilx distinzjoni bejn votanti skont it-twemmin politiku tagħhom

Aqra wkoll

B’referenza għall-kummenti li dehru fuq il-mezzi soċjali rigward persuni li jinsabu miżmuma bħala priġunieri fil-ħabs u li vvutaw meta kienu tilfu dan id-dritt minħabba li qegħdin iservu sentenza ta’ aktar minn 12-il xahar, il-Kummissjoni Elettorali ċċarat li r-Reġistru Elettorali ppubblikat fi Frar 2022, u li qed jintuża għall-Elezzjonijiet Ġenerali, huwa sostanzjalment korrett.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li l-votazzjonijiet bikrija huma stabbiliti fil-Liġi Elettorali. Tenniet li hija tiddependi minn diversi sorsi biex iżżomm ir-Reġistru aġġornat, u ma tistax taqta’ votant mir-Reġistru, jew iddaħħal votanti ġodda, jekk ma jkunux segwiti r-rekwiżiti u l-proċeduri stretti stabbiliti fil-Liġi Elettorali. 

L-Artikolu 20  tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jistabbilixxi li, “L-uffiċjali pubbliċi kollha fis-servizz tal-Gvern ta’ Malta u l-uffiċjali kollha ta’ kull korp imwaqqaf b’liġi huma, minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, b’din il-liġi awtorizzati u fid-dmir li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija titlob sabiex hija tkun tista’ ssib jekk persuna għandhiex il-jedd li tiġi rreġistrata bħala elettur jew li tibqa’ hekk reġistrata.” Il-Kummissjoni dejjem ħadet azzjoni skont ir-rapporti li tirċievi minn dawn l-Uffiċjali Pubbliċi.

Il-Kummissjoni Elettorali saħqet li dejjem imxiet mal-liġi elettorali u dawk kollha li jidhru fir-Reġistru Elettorali huma dawk li għandhom id-dritt skont il-liġi elettorali. Dan filwaqt li qalet li ma tistax iżżomm lil xi ħadd milli jivvota jekk ismu/isimha jkun imdaħħal fir-Reġistru Elettorali, iżda dan ma jagħti l-ebda dritt lil persuna li tivvota meta tkun taf li ma jkollhiex ir-rekwiżiti li permezz tagħhom tikkwalifika biex tivvota.

Il-Kummissjoni Elettorali temmet għalhekk tisħaq li ma tagħmilx distinzjoni bejn votanti skont it-twemmin politiku tagħhom.

Ekonomija

Sport