Sunday, December 22, 2024

Il-Kummissjoni Elettorali wissiet ħames darbiet lill-PN talli naqas milli jippubblika l-kontijiet tiegħu

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista ħafna drabi jitlob biex tintrefa r-responsabbilta politika u għar-riżenja ta’ ministri labnuristi fl-istess waqt li l-PN u l-kap tiegħu jibqgħu jaħarbu huma stess milli jerfgħu responsabbilta li jkollhom fuq spallejhom anki bi ksur tal-liġijiet ta’ pajjiżna. 

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa l-ewwel wieħed li għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika wara li nqabad jigdeb dwar is-sottomissjoni tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista lill-Kummissjoni Elettorali.

Il-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà u Daniel Attard, li saħqu dan meta kienu qed jirreaġixxu għall-Kontro-Protest tal-Kummissjoni Elettorali qalu li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jikser il-liġi u jonqos milli jippublika l-kontijiet tiegħu.

Fakkru li fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni Elettorali esponiet bl-aktar mod ċar il-gideb ta’ Bernard Grech li kien qal li din hija ‘non-issue’ u li l-kontijiet ġew ppubblikati. Fil-verità, fl-aħħar sentejn il-Partit Nazzjonalista ġie mwissi formalment ħames darbiet biex jissottometti l-kontijiet tiegħu u minkejja dan, baqa’ jikser il-liġi bl-akbar sens t’impunità.

Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà fakkru wkoll kif il-Partit Nazzjonalista ilu snin jaħbi l-qagħda finanzjarja tiegħu u saħansitra, ħoloq l-iskema taċ-ċedoli biex jaħrab mill-obbligi legali tiegħu taħt il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi. Dan wara snin twal fil-Gvern jirreżisti li jdaħħal din il-liġi li tassigura trasparenza u kontabiltà li tant tippontifika fuqhom l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Għalhekk, Vella Gafà u Attard ikkonkludew li minflok jitlob għar-riżenji biex jibqa’ jidher relevanti, Bernard Grech għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika hu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu jippubblika l-kontijiet tiegħu mingħajr aktar dewmien. Għax jekk il-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jżomm il-kontijiet tiegħu kif suppost, aħseb u ara kemm ma jistax jiġi fdat bil-finanzi tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport