Il-kumpanija ġganta Żvediża li tibbaża fuq il-mużika, magħrufa bħala Spotify, ħabbret li qed tnaqqas 17% tal-forza tax-xogħol tagħha, jiġifieri li se twaqqaf mal-1,500 impjegat. Dan hekk kif il-kumpanija, bħalissa qegħda tfittex li tnaqqas l-ispejjeż.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija, Daniel Ek qal li ħa din id-deċiżjoni diffiċli, minħabba l-fatt li t-tkabbir ekonomiku qiegħed jonqos b’mod drammatiku. Fisser li jifhem li t-tnaqqis se jkun ta’uġigħ għat-tim kollu tal-kumpanija.
Qal ukoll; “Nagħraf li dan se jkollu impatt fuq numru ta’ individwi li għamlu kontribuzzjonijiet siewja fil-kumpanija. Biex inkunu ċari, se jkollna ħafna nies intelliġenti, b’talent u li jaħdmu, li se jkunu qed jitilqu minn mal-kumpanija tagħna”.
Fl-aħħar riżultati tiegħu, Spotify kien irrapporta profitt ta’ €65m għal tlett xhur sa Settembru, hekk kif kien hemm żidiet fil-prezzijiet.
Minn mindu bdiet il-kumpanija Spotify nefqet ħafna flus biex in-negozju jkompli jitkabbar, permezz tal-kontenut esklussiv bħal podcasts minn nies ta’ kariga għolja, bħal Michelle u Barack Obama kif ukoll mid-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex.