Tuesday, November 25, 2025

Il-kumpaniji li l-impjegati tagħhom iqassmu l-ikel se jkunu koperti bi ftehim kollettiv

Iffirmat MoU bejn il-GWU u l-Malta Delivery Fleet Operators Association 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Permezz ta’ Memorandum of Understanding (MoU) li ġie ffirmat bejn il-General Workers’ Union u l-Malta Delivery Fleet Operators Assocation (MDFOA), il-kumpaniji li għandhom impjegati li jqassmu l-ikel fid-djar irid ikollhom ftehim kollettiv li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħhom. Dan l-MoU japplika għal dawk il-kumpaniji li huma membri tal-Assoċjazzjoni.

L-iffirmar ta’ dan l-MoU f’isem il-GWU sar mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela filwaqt li f’isem l-MDFOA ffirma l-President Iousef Meli. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri. 

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan l-MoU huwa wieħed importanti u wasalna f’dan il-punt anke wara li ttieħdu diversi deċiżjonijiet biex dan is-settur jiġi regolat u anke ddaħħlet fis-seħħ il-Labour Migration Policy. 

“Għalina importanti l-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna. Ridna wkoll level playing field għall-employers. Kuntent u sodisfatt li b’dawn id-deċiżjonijiet li ħadna, minn jeddhom il-fleet operators, l-Assoċjazzjoni resqu ’l quddiem u tawna spjegazzjoni ta’ x’iridu jagħmlu kif ukoll resqu għand il-GWU u bdew jinnegozjaw flimkien,” tenna l-Ministru Camilleri. “Dan huwa pass ammirevoli ħafna”. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li l-iffirmar tal-MoU huwa intiż biex ikompli jikkonsolida d-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa sostna li dan il-ftehim huwa l-pass li jmiss u qed jirrappreżenta sforz kollettiv mill-Gvern, il-GWU u l-Assoċjazjoni sabiex dan is-settur ikompli joffri kundizzjonijiet aħjar lil dawn il-ħaddiema. “B’dan qed nassiguraw ukoll dinjità lill-ħaddiema u qed ngħaddu messaġġ ċar li l-abbuż mhux se jkun ittollerat,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul. 

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri ddeskriva dan l-iffirmar bħala wieħed storiku u li huwa turija ta’ kemm id-djalogu soċjali għadu rilevanti u b’saħħtu. “Dan l-MoU huwa turija li fejn l-employers, it-trejdunjins, il-Gvern u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien kapaċi jinkisbu r-riżultati,” tenna Camilleri. 

Sadanittant, f’kummenti ma’ L-Orizzont, is-Segretarju Kevin Abela fisser dan il-ftehim bħala pass kbir ’il quddiem minħabba l-fatt li qed ikun assigurat li d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom qed jiġu mħarsa.

“Il-pass li jmiss issa huwa li kull kumpanija li tifforma parti mill-Assoċjazzjoni ninnegozjaw u niffirmaw ftehim kollettiv b’mod individwali magħhom. Naturalment, minn hemm ’il quddiem għad għandna triq twila. Dan għaliex ta’ min wieħed jirrealizza li għandna numru ta’ kumpaniji li ma jiffurmawx parti mill-Assoċjazzjoni u hemm se tkun sfida oħra sabiex nassiguraw irwieħna li l-ebda impjegat ma jkollu d-drittijiet tiegħu mittiefsa,” tenna Abela.

Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-MDFOA Iousef Meli sostna li wara xhur ta’ diskussjonijiet, qed jiġi ffirmat dan l-MoU biex l-Assoċjazzjoni twiegħed u tikkommetti l-membri kollha tagħha b’mod kollettiv li se jpoġġu mal-GWU biex isiru dawn il-ftehimiet kollettivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport