It-Tim tal-Pulizija għall-Komunità ta’ San Pawl il-Baħar ġie ppreżentat bi tliet ‘e-bikes’ mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn ir-roti se jkunu ta’ użu importanti ħafna biex il-Pulizija jagħmlu r-rondi madwar din il-lokalità, li tkopri fost oħrajn lil San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, Xemxija u Burmarrad.
Dawn it-tliet ‘e-bikes’ ġew iffinanzjati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar permezz taliffirmar ta’ Memorandum of Understanding. Dan kien iffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Anġelo Gafà għan-nom tal-Korp tal-Pulizija u mis-Sur Alfred Grima, Sindku ta’ San Pawl il-Baħar u s-Sur Marico Sammut, Segretarju Eżekuttiv, għan-nom tal-Kunsill Lokali.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dak li beda bħala proġett pilota fl-2019, bl-introduzzjoni tal-Pulizija għall-Komunità fil-Mellieħa, issa nfirex fil-maġġoranza tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Huwa qal li filwaqt li l-Pulizija tibqa’ tipprovdi servizz professjonali u fdat biex tassigura pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità, il-Kunsilli Lokali qegħdin jifhmu li huma wkoll għandhom irwol importanti li jidentifikaw x’inhuma l-problemi reali fil-lokal tagħhom.
Is-Sur Gafà qal li San Pawl il-Baħar, bħal kull post ieħor, għandu sfidi partikolari u permezz tal-Pulizija tal-Komunità, l-uffiċjali qegħdin ikunu qrib taċ-ċittadin u jistgħu jidentifikaw dawk il-problemi fil-lokalità u jifhmu dak kollu li jista’ jdejjaq lin-nies kuljum.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, is-Sur Alfred Grima, faħħar ix-xogħol li qiegħed iwettaq it-tim tal-Pulizija għall-Komunità f’San Pawl il-Baħar u qal li din il-lokalità gawdiet bil-kbir, bir-residenti ta’ kuljum juru aprezzament li hemm iktar preżenza tal-pulizija fit-triq.
Huwa qal li mhux biss il-popolazzjoni fil-lokalità kibret, iżda kibru wkoll l-isfidi. Is-Sur Grima qal li l-ħsieb huwa li jibqgħu isiru laqgħat regolari sabiex il-koperazzjoni li teżisti bejn iż-żewġpartijiet tissaħħaħ u li n-nies jafu li bil-Pulizija għandhom ħabib fit-triq.