Tuesday, December 24, 2024

Il-Kunsill Malti għall-Arti jħabbar investiment dirett ta’ €7 miljun fi skemi ta’ finanzjament għall 2022

Aqra wkoll

Wara t-tħabbir tal-baġit tal-2022 f’Ottubru, il-Kunsill Malti għall-Arti żvela l-iskemi ta’ finanzjament  tiegħu għall-2022 fuq il-bażi ta’ ħames pilastri ewlenin: ir-Reżiljenza, l-Arti u l-Komunità, l-Iżvilupp,  l-Edukazzjoni, il-Wirt Kulturali u Strutturali. L-iskemi huma mmirati biex jibnu fuq l-ispinta  ġġenerata mill-iskemi RESTART tas-sena li għaddiet li kienu katalisti fir-riġenerazzjoni mill-ġdid  tas-setturi kreattivi u kulturali wara t-tfixkil minħabba l-pandemija tal-COVID-19. 

Preżenti għat-tnedija tal-iskemi ta’ finanzjament għall-2022 kien hemm il-Ministru għall-Wirt  Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, li spjega li ż-żieda fil-finanzjament dirett lill-Kunsill  Malti għall-Arti u l-Organizzazzjonijiet Pubbliċi Kulturali hija parti mill-impenn ta’ dan il-gvern lejn  is-setturi u l-prattikanti kreattivi nfushom. “Iż-żieda fil-baġit ta’ din is-sena, li wasslet għal iktar żieda  fl-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-Kunsill Malti għall-Arti, tkompli tibni fuq l-istrateġija lejn  setturi kreattivi u kulturali iktar reżiljenti u sostenibbli”, qal il-Ministru Herrera. 

Waqt li indirizzat il-konferenza stampa, id-Direttriċi tal-Finanzjament u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti  għall-Arti, Mary Ann Cauchi, enfasizzat l-importanza li l-kunsill qiegħed jagħti lill kollaborazzjonijiet tiegħu u jappoġġa s-sinerġiji ma’ individwi u gruppi ta’ artisti u kreattivi. “L-għan  prinċipali huwa li ninvolvu ruħna mal-usa’ spettru possibbli tal-komunità lokali kreattiva u kulturali,  u għal din ir-raġuni l-iskemi ta’ finanzjament għall-2022 huma mifruxa fuq 33 sejħa, li tnejn minnhom  huma diġà miftuħa, jiġifieri l-iskemi tal-Użu tas-Siġġijiet u tal-Assigurazzjoni tal-Avvenimenti,”  qalet is-Sinjura Cauchi. 

Waqt il-konferenza stampa, il-Kap tal-Finanzjament Rita Falzon, għamlet intervent qasir dwar l iskemi ta’ finanzjament tal-2021. Is-Sinjura Falzon spjegat li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni involva 76  evalwatur espert b’270 sessjoni ta’ promozzjoni u 35 sessjoni ta’ valutazzjoni biex jiżgura l-iżborz  tal-fondi trasparenti u bbażat fuq il-mertu. “Waqt l-2021, il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva 466  applikazzjoni eliġibbli għall-finanzjament li kollha kienu vvalutati skont il-kriterji stabbiliti u abbażi  tal-valuri ewlenin tagħna”, qalet is-Sinjura Falzon. 

L-iskemi ta’ finanzjament mill-Kunsill Malti għall-Arti huma parti minn investiment ta’ €110 miljun  mill-gvern fis-setturi kreattivi u kulturali għall-2022, li jirrappreżentaw żieda sinifikanti ta’ 13.5%  fuq l-investiment tal-2021.

Ekonomija

Sport