Sena ta’ ħidma rekord fil-qasam soċjali

0
952
Date 03/12/2021 Time 14:00 Event Minister for Social Justice and Solidarity, the Family and Children’s Rights Michael Falzon briefs the media on family and social benefits expenditure in 2021 Venue Ministry for Social Justice and Solidarity, the Family and Children’s Rights, Valletta

In-nefqa globali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji, inklużi pensjonijiet tas-servizz u servizzi soċjali oħrajn, hija stmata li laħqet is-somma rekord ta’ €1.3 biljun matul is-sena 2021. Dawn il-pagamenti huma amministrati mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.

L-akbar nefqa tammonta għal €1,130,000,000 u tmur direttament f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali. Parti kbira  minn din-nefqa tmur għall-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u numru ta’ ftehimiet soċjali ma’ NGOs li jwettqu ħidma fil-komunità

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù.

“Din hija xhieda ċara ta’ kemm il-politika tal-gvern qed tasal fid-djar tal-familji tagħna. Ilbieraħ rajna kif għal darb’oħra rreġistrajna rata inqas ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Dan ma sarx b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ politika mmirata li ttella’ ‘l fuq lil dawk l-aktar faxxex vulnerabbli. Nirrimarka wkoll dwar iż-żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance, benefiċċji supplimentari, u sensiela ta’ miżuri oħra intiżi sabiex jassistu lill-familji kif ukoll jagħtu spinta finanzjarja”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti Mark Musù  qal li matul is-sena 2021 se jkunu saru madwar żewġ miljun pagament ta’ pensjonijiet u benefiċċji soċjali (esklużi l-pensjonijiet tas-servizz u l-pensjonijiet u l-benefiċċji li jitħallsu lill-benefiċjarji tagħna barra minn Malta). Minn dawn, 93.5% saru bi kreditu dirett fil-kont bankarju tal-benefiċjarji filwaqt li 6.5%biss saru b’ċekk.

Is-segretarju permanenti qal ukoll li sar titjib fejn jidħlu n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Fil-fatt, meta wieħed iħares lejn l-indikatur ta’ qabel li jkejjel id-deprivazzjoni materjali u severa isib li mqabbel mas-sena 2013: tnejn minn kull tliet persunima għadhomx f’ċaħda materjali severa; tlieta minn kull ħames persunima għadhomx f’ċaħda materjali; wieħed minn kull ħamsa ma għadhomx f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali; u tlieta minn kull ħames persuni ma għadhomx jgħixu fuq l-assistenzi soċjali u qed jaħdmu.

Intant, il-biċċa l-kbira tal-miżuri soċjali għas-sena 2022 se jkunu implimentati fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla u b’hekk dan il-ministeru jkun laħaq ir-rata ta’ 99.6% fit-twettiq tal-proposti tal-manifest elettorali allokati lilu biex jitwettqu.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan il-gvern iwettaq fil-ħin dak li jwiegħed u fakkar kif fi żmien amministrazzjoni preċedenti, qabel l-2013, il-wegħdi elettorali qatt ma kienu jiġu onorati kollha, filwaqt li kien normali li jiżdiedu piżijiet u taxxa fuq il-poplu kollu.

“Dan il-gvern ma jemminx f’din il-politika. Nemmnu f’politika ta’ tkabbir ekonomiku, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, u fit-tkattir tal-ġid. Il-familji illum jafu fejn qegħdin magħna. Aħna kommessi li nkomplu nħallu aktar flus fil-but ta’ kulħadd. Ftit jiem oħra se naraw l-implimentazzjoni ta’ aktar miżuri soċjali, li se jkomplu jsaħħu l-katina ta’ miżuri soċjali implimentati fl-aħħar snin”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.