Thursday, February 5, 2026

Il-Kunsill tal-Birgu qed iħejji monument għal Ġorġ Agius l-Għannej tal-Mulej

Aqra wkoll

F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Ġorġ Agius, magħruf bħala l-Għannej tal-Mulej, iben il-Belt Vittoriosa, il-Kunsill Lokali tal-Birgu qed iħejji dak kollu meħtieġ sabiex isir monument fil-lokalità. L-ewwel pjanijiet għal dan il-monument imorru lura għal Jannar tas-sena 2022, ftit xhur wara li Ġorġ ħalla din id-dinja.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kunsill Lokali tal-Birgu permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, fejn spjega li l-Kunsill preċedenti kien ħareġ sejħa għad-donazzjonijiet sabiex isir dan il-monument u filfatt diversi resident u għaqdiet volontarji, taw il-kontribut tagħhom.

Ingħad li l-ammont miġbur ma kienx suffiċjenti sabiex isir monument kif kien mixtieq apparti li l-abbozz tiegħu qatt ma sar mill-artist magħżul. Għaldaqstant, f’Awwissu tas-sena 2024, il-kunsill attwali reġa’ telaq bil-ħsieb li jsir monument aktar sempliċi sabiex possibilment dan jiġi inawgurat nhar it-28 ta’ Lulju 2026 f’għeluq il-mitt sena mit-twelid tal-Vittoriosan, Ġorġ Agius.

Il-Kunsill żied jgħid; “Bħalissa, żewġ artisti mill-Birgu stess, qed iħejju abbozz tiegħu sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jintgħażel wieħed minnhom u jkun jista’ jinħadem fil-bronż”.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu tenna billi għamel appell lil dawk kollha li jixtiequ jikkontribbwixxu għal dan il-monument sabiex jagħmlu kuntatt dirett mal-istess kunsill.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport