Il-Kunsill Lokali tal-Qala ħa d-deċiżjoni, b’sens qawwi ta’ niket u responsabbiltà, li jħassar l-attività tal-Karnival li kienet skedata għal-lejla, bħala turija ta’ solidarjetà u rispett lejn il-familja Cutajar f’dan il-mument tant traġiku u ta’ niket kbir.
Kien is-sindku tal-Qala Paul Buttigieg li ddikjara dan permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali. Huwa spjega li dan il-mument ta’ telf u swied il-qalb laqat mhux biss lill-familja, iżda lir-raħal kollu, li jinsab magħqud fil-ħsieb u t-talb.
Irrimarka li f’ċirkustanzi bħal dawn, nuru li tassew aħna komunità waħda, magħquda fl-għaqda u l-kompassjoni.
Tenna billi qal;” Noffru l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja Cutajar u nitolbu sabiex isibu faraġ u saħħa f’dan iż-żmien ta’ prova”

