Wednesday, April 24, 2024

IL-KWADROLOĠIJA TAL-ĦMAR (2) FEJN TKUN QABEL, TIĠI WARA!

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Bħala t-tieni artiklu minn din is-sensiela ta’ erbgħa, illum għażilt illi nislet xi tabelli minn studju xjentifiku li sibt dan l-aħħar dwar is-suġġett tad-‘donkey voting’, jew aħjar kif il-votant fl-elezzjonijiet Maltin huwa kkundizzjonat indirettament sabiex jivvota skont l-alfabett u kif il-pożizzjoni ta’ fejn kandidat jiġi fil-polza tal-vot hija determinanti jekk il-kandidat/a jitlax jew le u jsirx Membru Parlamentari.

L-istudju li qed nirreferi għalih jeżamina l-elezzjonijiet kollha li saru sa mill-1921 u jismu “Proposti għal sistema elettorali Maltija aħjar” (“Study Paper: Proposals for an improved Malta electoral system”).  Inkiteb mill-Perit Joseph Magro fl-2018 li ħa ħsieb li jipprova b’mod konkret il-konklużjonijiet tiegħu permezz ta’ tabelli.  

Meta analizza bir-reqqa r-riżultati tal-elezzjoni tal-2017, Magro sab illi l-kandidati tal-Partit Laburista tal-ewwel Distrett li isimhom kien imniżżel fit-tmien u d-disa’ post fil-polza tal-vot (li kienet polza b’9 kandidati biss), l-istess kandidati fil-fatt ġew is-seba’ u d-disa’ jekk wieħed jaqbad il-kandidati kollha u jelenkahom skont il-voti li kisbu.  Fuq it-tielet distrett, il-kandidati tal-PL li skont l-alfabett kienu mniżżla fit-tnax, it-tlettax u l-erbatax-il post, jekk wieħed, wara l-elezzjoni jpoġġi l-kandidati kif telgħu u kemm ġabu voti, isib li dawn ġew fit-tlettax, fl-erbatax u fit-tnax-il post.  Dan fuq distrett fejn il-polza tal-vot kienet magħmula biss minn erbatax-il kandidat.  Bl-istess mod, fuq ir-raba’ distrett, l-għaxar kandidat/a tal-PL fuq il-lista, ġie/t l-għaxar kandidat/a bħala voti meta ħarġu r-riżultati minn distrett li kien fih għaxar kandidati biss.  

Minn l-istess PL, fl-2017, fuq il-11-il distrett ikkontestaw 7 kandidati.  Is-sitt u s-seba’ kandidati tal-lista skont il-polza tal-vot, ġew is-sitt u s-seba’ kandidat meta ngħaddew il-voti; filwaqt li mill-kandidati tat-12-il distrett, minn polza ta’ 9 kandidati, it-tmien u d-disa’ kandidat fuq il-polza, eventwalment, wara l-għadd tal-voti, spiċċaw it-tmien u d-disa’ wkoll. 

Tikteb Lorna Vassallo

Dan il-fenomenu, seħħ ukoll fost il-kandidati tal-PN. Fuq it-tielet distrett, il-kandidat tal-PN li kien fl-erbatax-il post fuq il-polza, ġie l-14ax fl-għadd tal-voti wara l-elezzjoni, minn polza tal-vot li kien fiha 14-il kandidat.  Fuq id-disa’ distrett, id-dsatax-il kandidat, ġie d-dsatax minn 20 kandidat.  Fuq il-ħdax-il distrett, il-11ax, it-12ax u t-13ax-il kandidat/a, wara l-elezzjoni ġew l-14ax, it-12ax u t-13ax-il kandidat/a!  U mill-polza tal-vot tat-tnax-il distrett, li kien fiha 13-il kandidat nazzjonalista, it-tlettax-il kandidat jiġi t-tlettax jekk wara l-elezzjoni wieħed iqassam il-kandidati skont il-voti li kisbu.

Għalhekk dan l-istudju jissuġġerixxi li kandidat se jġib voti skont fejn qiegħed fil-lista tal-polza tal-vot.  Forsi jirnexxilu/ha j/titla’ skaluna waħda ’l fuq jew sfortunatament taqa’ skaluna ’l isfel imma ftit li xejn tvarja, bil-probabbiltà kbira tkun li kandidati li għandhom kunjomhom jibda bit-‘T’ għalkemm se jkunu fi żvantaġġ qawwi minħabba kunjomhom, mhumiex se jkunu fi żvantaġġ daqs kandidati li kunjomhom jibda biż-‘Z/Ż’.

Iżda, allura nies bħal George Vella, Karmenu Vella, Edwin Vassallo u Francis Żammit Dimech kif telgħu bosta drabi?  Jidher ċar li hemm bżonn ħafna ċirkustanzi sabiex kandidati bħal dawn irnexxew.  Fost oħrajn, il-fatt li ġejjin minn raħal kbir ħafna fortizza tal-partit tagħhom stess. Jista’ jkun li kienu kandidati stilla tal-partit u li kellhom riżorsi finanzjarji tajbin. Fil-kuntest tal-lum pubbliċità qawwija tal-kandidat fuq it-televiżjoni wkoll jegħlbu dan l-iżvantaġġ assolut. In-numru ta’ kandidati li jikkontestaw fuq id-distrett jgħodd ukoll, i.e. kandidat huwa inqas żvantaġġjat jekk ikun l-aħħar fuq polza tal-vot b’sitt kandidati biss (kif kienu jkunu fl-imgħoddi).  Li hu żgur, li kandidat li huwa fil-qiegħ tal-polza ma jista’ qatt jitla’ b’kumbinazzjoni.  Kull min tah l-ewwel vot, żgur li verament ried u xtaq jivvutalu.

Hawnhekk qed nirriproduċi tabella waħda minn diversi li Magro juża sabiex isostni illi r-riżultat tal-elezzjoni huwa ferm influwenzat mill-pożizzjoni tal-kandidati fuq il-polza tal-vot.  L-istess awtur jipproponi wkoll il-Metodu tar-Rotazzjoni ta’ Robson bħala soluzzjoni li forsi xi darba niddiskutiha f’artiklu futur.  Għal dawk kollha li jixtiequ jaraw dan l-istudju aktar fid-dettall hawnhekk qed nirriproduċi wkoll il-link fejn wieħed jista’ jara l-istudju onlajn: 

https://riformakostituzzjonali.gov.mt/wp-content/uploads/2019/10/PAPER-A-PROPOSALS-FOR-AN-IMPROVED-MALTA-ELECTORAL-SYSTEM.pdf.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Sport