Sunday, December 22, 2024

IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA … X’QED JIĠRI?

Aqra wkoll

Hu fatt li meta wieħed jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja l-ewwel li ma jiġih f’moħħu hu kemm qed jaqla u kemm qed idaħħal f’termini finanzjarji.  Anki l-mod ta’ kif jaħdmu l-gvernijiet fejn il-benefiċċji finanzjarji jiġu impinġijin qishom is-salvazzjoni ta’ kollox, ikomplu jrewwħu biex meta nitkellmu fuq kwalità tal-ħajja nagħtu kas l-aktar l-aspett finanzjarju. Jiġri hekk mill-gvernijiet għax faċli għalihom li jagħmlu dan minħabba li għal termini ta’ statistika faċli jidher li naqas il-faqar u li qed titjieb il-kwalità tal-ħajja. 

Meta nitkellmu fuq kwalità tal-ħajja, waħda mill-ewwel affarijiet li rridu nżommu f’moħħna hi l-impjiegi. Qegħdin naraw fl-Ewropa u anke f’pajjiżna, fejn minkejja li żdiedu in-nies li jaħdmu qegħdin naraw ħafna u ħafna aktar impjiegi prekarji. Qegħdin dejjem aktar naraw il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’ċertu xogħlijiet jitnaqqru. Qegħdin naraw ħaddiema u dawn qegħdin jiżdiedu li japplikaw biex jagħmlu xogħol partikolari  imma imbagħad isibu li meta jkunu impjegati li mhux dak ix-xogħol li applikaw biss se jagħmlu imma ħafna xogħlijiet oħra. Eżempju tipiku li tkellimna dwaru ftit ħarġiet ilu. Ħaddiema japplika biex iservi fi kċina imma jinkludulu li jrid ikollu liċenzja tas-sewqan, ikunu kapaċi jaħsel u jnaddaf, jagħmel xogħol ta’ sorveljanza, xogħol ta’ manutenzjoni u anke ikollu livell bażiku fis-sengħa tal-elettriku u fit-tibjid.

Ix-xogħol prekarju għadu fostna. Għandna mhux biss barranin imħaddmin f’dan ix-xogħol imma anke Maltin.  Dawn huma ħaddiema li jaħdmu f’ċertu xogħlijiet bi ħlas miżeru fis-siegħa. Jaħdmu sigħat twal, biex itellgħu il-paga.  Ma’ dawn wieħed irid iżid l-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol. Ibbuljar li żdied u li sa issa ftit li xejn nitkellmu dwaru. Ibbuljar li jaffettwa ħafna ħaddiema, b’mod partikolari dawk li ma jkunux jafu kif għandhom jaġixxu.

Hu għalhekk importanti li meta l-gvernijiet jitkellmu fuq ir-rati ta’ qgħad jew kemm żdiedu l-ħaddiema li jaħdmu, iridu jitkellmu ukoll fuq x’xogħol ikun qed jinħoloq. Irid jistaqsu jekk ix-xogħlijiet li inħolqu, humiex ta’ kwalità? Jekk min qed jaħdem fihom hux iħallas paga xierqa?  Il-kwalità tal-ħajja mhix biss li jkollok impjieg. Hu tajjeb li jkollok ix-xogħol imma rridu naraw ukoll xi kwalità ta’ xogħol ikun u kemm qed titħallas għalih. Xogħol li jkissrek, jew li jkollok titkisser biex ittella’ l-paga, żgur li ma joffrix kwalità ta’ ħajja aħjar. Għax fuq kollox ħaddiem li jispiċċa eżawrit fuq ix-xogħol jew jispiċċa jaħdem sigħat twal, aktarx li jispiċċa joħloq problemi meta jmur lura lejn daru. 

Il-kwalità tal-ħajja, tinkorpora fiha l-ambjent ta’ madwarna.  L-ambjent illum hu aħjar minn kif kien kien ftit snin ilu. Għandna aktar trankwillità madwarna jew ibbumbardjati bl-istorbju? L-arja li qegħdin nieħdu hi arja aktar nadifa jew aktar imniġġza minn qabel.

It-toroq tagħna, huma aktar trankwilli, jew meta qegħdin noħorġu jew inmorru x’imkien qegħdin nagħmlu ħinijiet twal imwaħħlin fit-traffiku.

Jekk inħarsu lejn iż-żgħażagħ, ħafna minnhom jispiċċaw jissalbu għal għomorhom biex jixtru l-appartament għax illum ħafna lanqas biss jikkonsidraw li jħarsu lejn dar  aħseb u ara jixtruha. Sitwazzjoni li toħloqilhom tensjoni u ansjetà. L-istess l-anzjani tagħna. Qegħdin jaraw li l-ispejjeż dejjem jiżdidulhom u l-pensjoni tagħhom dejjem titnaqqar.

Qegħdin ngħixu f’dinja fejn il-ħajja saret mgħaġġla. Nazzardaw ngħidu mgħaġġla wisq, li ħafna mhux ilaħħqu mal-pass tagħha. Hajja ibbażata fuq l-importanza tas-suq. Is-suq hu kollox. Kull ma jsir, hu biex is-suq ikomplu jespandi.  Minħabba dan ħafna mhux ilaħħqu mal-pass. Jaqgħu lura. Jispiċċaw emarġinati. Anzjani ma joħorġux minn djarhom. Oħrajn fis-solitudni. Żgħażagħ jew familji ġodda f’tensjoni minħabba l-piżijiet li jidħlu għalihom.

Nemmnu li dawn huma sitwazzjoni li jitfgħu lura l-kwalità tal-ħajja. Sitwazzjonijiet li mhux dejjem qegħdin nitkellmu biżżejjed dwarhom. Spiss qegħdin naqgħu fin-nassa li nikkwotaw l-istatistika imma ninsew li wara dik l-istatistika m’hux numri hemm imma individwi.

Jiżdiedu l-persuni li jaħdmu u huma f’riskju ta’ faqar f’Malta

r-rata ta’ persuni li jaħdmu i

Ekonomija

Sport