Thursday, July 10, 2025

Il-kwalità tal-ikel tiddomina l-esperjenza fir-ristoranti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ewwel stħarriġ tax-xorta tiegħu dwar il-konsumaturi li jittratta b’mod speċifiku l-industrija tal-catering, ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), tefa’ dawl fuq dak li l-Maltin ifittxu meta jiġu biex jagħżlu ristorant. 

Minn dan l-istħarriġ, li sar mill-Prof. Vincent Marmarà, jirriżulta li l-Maltin l-ewwel li jaraw huwa t-tip ta’ ikel li r-ristorant joffri (34%) segwit mill-prezzijiet fuq il-menu (20.2%) u l-kwalità tal-ikel (16.3%). Min-naħa l-oħra, it-turisti jagħtu l-istess importanza kemm dwar il-prezzijiet kif ukoll l-ikel segwiti mill-post fejn jinsab ir-ristorant u l-kwalità. 

L-istħarriġ sab li 94.2% tal-Maltin u 97.6% tat-turisti jmorru jieklu f’ristorant bħala ħarġa aktar milli għal skop ta xogħol. Madanakollu, 58.5% tal-Maltin jemmnu li r-ristoranti huma għaljin, filwaqt li 14.5% biss tat-turisti huma tal-istess fehma. B’kuntrast ma’ dan, 55.4% tat-turisti jħossu li r-ristoranti f’Malta joffru valur għall-flus. 

Il-Maltin irrapportaw li jonfqu medja ta’ €94.77 fix-xahar f’ristoranti filwaqt li t-turisti jonfqu medja ta’ €41.67 għal kull żjara li jagħmlu, b’ħafna mit-turisti (55.6%) jonfqu madwar €50 kull darba. 

Fuq kollox, il-kwalità tal-ikel tibqa’ fattur predominanti f’dik li hija esperjenza. Kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti kklassifikawha bħala l-aktar fattur importanti biex ikollhom esperjenza pożittiva segwita mis-servizz offrut.

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ iqisu wkoll tip ta’ 5% bħala waħda relattivament “ġusta” meta jkunu sodisfatti bl-esperjenza tagħhom fir-ristoranti. 

Id-dettalji ta’ dan l-istħarriġ ingħataw mill-Prof. Marmarà waqt konferenza li kienet organizzata mill-ACE. L-istħarriġ sar f’Ġunju li għadda fost 500 persuna – 400 ċittadin Malti u 100 turist.

“Riżultati li jagħtuna stampa aħjar ta’ dak li qed jiġri fis-settur” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

F’diskors li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, qal li dawn ir-riżultati jagħtuna stampa aħjar ta’ dak li qed jiġri fis-settur partikolarment l-isfidi, ir-realtajiet u l-opportunitajiet li qed ifeġġu. 

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li l-istatistika turi li 32.5% tat-turisti jmorru darbtejn kuljum fir-ristoranti. Qal li l-ikel mhux biss huwa parti mill-esperjenza turistika imma wkoll fil-qalba tas-settur. 

Huwa radd ħajr lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur li qed ikomplu jagħmlu l-esperjenzi aktar aħjar għall-Maltin u anke għal dawk li jiġu jżuruna.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Mario de Marco nnota kif l-industrija tal-catering f’Malta għaddejja minn fażi pożittiva u ta’ trasformazzjoni. Qal li din hija industrija li kulma jmur qed tkompli tikber fl-ibliet u l-irħula tagħha, li toffri varjetà ta’ ikel u anke esperjenzi. 

Dr De Marco iżda qal li fl-aħħar snin naqsu drastikament l-għadd ta’ Maltin li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu filwaqt li żdiedu l-ħaddiema barranin. Hawn tkellem dwar kif is-servizz offrut huwa parti importanti mis-suċċess ta’ din l-industrija.

Huwa kompla jgħid li l-Gvern għandu jikkunsidra aktar miżuri ta’ sostenn għal din l-industrija u joffri soluzzjonijiet għal diversi problemi li qed jinħolqu fosthom dawk relatati mal-iskart li jiġi ġġenerat mhux biss mill-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva imma minn residenzi jew appartamenti oħra li qed jagħżlu li joqogħdu fihom it-turisti. 

“Il-problemi jistgħu jiġu indirizzati jekk il-Gvern, kwalunkwe Gvern, jalloka r-riżorsi neċessarji u jagħti l-attenzjoni meħtieġa lil kull wieħed u waħda minnkom li taħdmu f’din l-industrija,” tenna Dr De Marco. 

Il-President tal-ACE Michelle Muscat enfasizzat li huwa d-dover tal-Assoċjazzjoni li tinvesti f’riċerki bħal dawn li jagħtu stampa aktar ċara ta’ fejn l-industrija qiegħda teċċella u fejn għandha taħdem aktar. Hija tenniet li kull operatur għandu jżomm f’moħħu li l-klijent jibqa’ kruċjali għal din l-industrija.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-ACE Matthew Pace sostna li l-istħarriġ wera kif il-maġġoranza tan-nies jemmnu li l-livell tal-istabbilimenti tal-catering tjieb sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin. Dan filwaqt li kien hemm reazzjonijiet imħallta f’dik li hija perċezzjoni kemm dawn l-istabbilimenti huma għaljin għal dawk li qed iżuruhom.

Il-kok rinomat Joe Vella qal li f’Malta sfortunatament hawn it-tendenza li wħud mir-ristoranti qegħdin imorru għal menu kbir u varjat, madanakollu fi kliemu wieħed għandu jiffoka aktar fuq menu iżgħar, b’ikel mill-aqwa u ppreparat sew. Qal ukoll li l-industrija trid taħdem biex tiġbed lejha aktar studenti li għandhom imħabba kbira u “passjoni” għat-tisjir. 

Interventi oħra waqt din il-konferenza saru mill-Perit David Xuereb – Chairperson tal-MCESD, Alberto Bafumi – Head of Sales ta’ Charles Grech & Co. Ltd, il-Perit Colin Zammit u l-Prof. Marie Avellino mill-Fakultà tal-Ekonomija, Maniġment u l-Accountancy tal-Università ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport