Il-Prim Ministru tenna li l-kwistjoni kollha ddur madwar il-kredibilità u enfasizza li mal-Gvern “tafu fejn qegħdin”. “Bħalma ngħidilhom hands off minn fuq il-ħaddiema Għawdxin, ngħidilhom hands off bis-saħħa minn fuq id-delizzji tan-nies. Hands off il-kaċċaturi, id-dilettanti tal-festi, l-għaqdiet pirotekniċi u d-dixxiplini sportivi. Aħna ma’ dawk l-għaqdiet kollha. Aħna l-garanzija tagħkom.”
Il-Prim Ministru fakkar li l-Oppożizzjoni stess kienet taf li dak li pproponiet kienet liġi perikoluża tant li kienu ilhom sentejn u nofs li ressquha fil-Parlament u ħallewha fuq l-ixkaffa.
Dr Abela qal li kieku kien fil-Gvern il-PN b’daqqa ta’ pinna kienu jkissru u jkunu mhedda d-delizzji t’eluf ta’ Maltin u Għawdxin inkluż lin-nassaba u l-kaċċaturi, is-sajd rikreattiv, il-logħob tan-nar, il-motorsports, u l-industrija marittima kummercjali u rikreattiva.
Min-naħa l-oħra, huwa qal li Gvern Laburista qiegħed jinvesti biex isaħħaħ id-delizzji permezz ta’ diversi inċentivi bħax-xiri ta’ każini tal-baned, l-investiment fit-trakka u ċ-ċentru state of the art f’Ta’ Qali.