Tuesday, December 24, 2024

“Il-kwistjoni ta’ elementi ġodda fil-festa Maltija… dak li ħdimna biex akkwistajna ma nħalluhx jitħassar quddiem għajnejna”

-   Mons. Dr. Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ninsabu fl-aqwa tal-istaġun tal-festi f’Malta u Għawdex. Festi li llum huma parti mill-Wirt Dinjij tal-UNESCO u dan grazzi għall-ħidma li wettaq l-Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, Mons Joe Vella Gauci. Staġun tal-festi li fih qegħdin inkomplu naraw il-festi tagħna jiżviluppaw u jinbidlu. Qegħdin naraw dejjem aktar armar ta’ kwalità. Inizjattivi ġodda. Lil hinn minn dan imma, qegħdin iseħħu affarijiet li dilettanti ġenwini tal-festi tagħna u voluntiera li jaħdmu sena sħiħa għall-festa, jarawhom bħala li qegħdin iwasslu għad-deġenerazzjoni tal-festi. Fost dawn hemm konsum esaġerat ta’ alkohol, sustanzi oħra, u anke inizjattivi kompletament ġodda li ħafna drabi qegħdin jidhru li qegħdin itellfu l-festa tradizzjonali Maltija.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Mons Vella Gauċi u staqsejnieh dwar l-inizjattivi ġodda u l-iżvilupp b’mod ġenerali tal-festi Maltin fl-aħħar xhur u ġimgħat. Mons Vella Gauċi jgħid lil Talk.mt li “rridu ngħidu li l-festa Maltija qatt ma kienet xi ħaġa ffossilizzata u qatt ma għandha ssir. L-opri tal-arti evolvew fiha. In-nar evolva fiha. Il-mużika u l-baned evolvew fiha. Kollox evolva u għandu jibqa’ jevolvi, għaliex il-festa hija espressjoni tal-poplu.

Apparti l-element reliġjuż u sagru, li huwa l-bażi ta’ kollox, il-mod ta’ kif issir il-festa hija espressjoni kulturali ta’ poplu u hekk għandha tibqa’. Allura huwa naturali li l-ħaġa tevolvi. L-importanti, iżda, huwa li waqt li tevolvi, tibqa’ tħares l-ispirtu u l-prinċipji tagħha u ma tmurx kontrihom.”

Jenfasizza li “bla ma nidħol fil-merti ta’ każi speċifiċi, nipprova nkun konkret b’xi eżempji: jekk wara l-marċ, xegħelna s-sound u ħadna siegħa oħra pjaċir bil-mużika tal-festa u bqajna ningħaqdu bħala komunità, m’hemm xejn ħażin. Iżda jekk id-diskoteka saret fil-ħin tal-marċ jew tal-purċissjoni b’mod li saret kompetitriċi, jew jekk id-diskoteka (fit-triq jew fil-każin) saret biss bil-mużika kummerċjali xejn differenti minn dik li tindaqq ġo klabb f’post tad-divertiment, allura hemmhekk l-ispirtu tal-festa mhuwiex jiġi ssalvagwardjat. U dan ma japplikax biss għad-diskoteki. Jista’ japplika anki, pereżempju għal-logħob tan-nar. Sakemm dan jakkumpanja l-attività tal-festa u jsir fil-kuntest it-tajjeb, kollox sew. Imma jekk għandek attività importanti tal-festa għaddejja – bħal pereżempju purċissjoni – u għandek spettaklu tan-nar għaddej xi mkien ieħor, allura hemmhekk m’aħniex nissalvagwardjaw l-ispirtu tal-festa; hemmhekk qegħdin inħottu aktar milli nibnu.”

Jisħaq li “wieħed irid joqgħod attent. Mhux għax xi ħaġa suġġettivament ma togħġobnix, ifisser li mhix tajba. Jekk il-banda timmarċja quddiem il-vara jew wara l-vara, dik hi kwistjoni ta’ gosti. Jekk il-marċ bil-vara jsirx il-Ħamis jew il-Ġimgħa, dik kwistjoni ta’ gosti. Imma jekk ċerti prattiċi jew użanzi ġodda jmorru kontra l-ispirtu tal-festa, iċċelebrata minn komunità, hemmhekk nidħlu fi kwistjoni ta’ prinċipju. Pereżempju huwa dejjem tajjeb li l-awtoritajiet ċivili joffru l-appoġġ tagħhom. Iżda, biex nagħti eżempju ipotetiku, li jkollok attivitajiet minn festa totalment organizzati minn Kunsill Lokali, jista’ jkun li jkun sejjer kontra l-ispirtu tal-festa li hija, kif għidna, ċelebrazzjoni tal-komunità, mill-komunità, mill-għaqdiet tal-komunità.”

Mons Vella Gauci jisħaq li “għalhekk, iva, nemmen li rridu nkunu viġilanti; viġilanti mhux biex nikkristalizzaw jew niffossilizzaw lill-festa Maltija, iżda biex waqt li ntuha nifs tevolvi, naraw li ma noħduhiex f’direzzjoni opposta għal dak li essenzjalment hi. Din mhix dejjem ħaġa faċli. Ħafna drabi naraw inizjattivi ġejjin litteralment minn fost il-poplu, għax il-festa hekk hi – tal-poplu! Drabi oħra naraw xejriet ġejjin fuqna għaliex ninfluwenzaw irwieħna mid-dinja ta’ madwarna u ċerti tibdil ikun inevitabbli. Iżda issa li għandna l-festa Maltija bi preġju bħal dan, iva, nistenna li min jaf, u min għandu n-network ta’ għaqdiet responsabbli, u min għandu għal qalbu l-festa Maltija, jiltaqa’ u jlaqqa’ ħassieba u promuturi ta’ integrità biex dak li ħdimna biex akkwistajnielu timbru prestiġjuż, ma nħalluhx jitħassar quddiem għajnejna. Il-ħidma tagħna m’għandhiex tieqaf mal-akkwist tat-timbru tal-UNESCO. Anzi, minn hemm ’il quddiem, il-ħidma tagħna għandha tkun aktar serja.”

Ekonomija

Sport