Saturday, December 21, 2024

IL-KWOTA TAT-TONN SE TIŻDIED?

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

It-tonn hi waħda mill-aktar ħutiet profittabbli għas-settur tas-sajd, speċjalment minħabba s-swieq tal-export fil-Ġappun, u kif ukoll peress li bħala ħuta hi famuża fi gżiritna għal xi BBQ. Dan iwassal sabiex id-domanda għal din il-ħuta kulma jmur dejjem tiżdied, u għaldaqstant, ix-xewqa ta’ ħafna Sajjieda, bejjiegħa u anke stabbilimenti tal-ikel hi li tikber il-kwota tal-ammont ta’ tonn li jista’ jinqabad f’pajjiżna.

It-tonn jistadu għalih mal-Mediterran kollu, u din il-ħuta ilha iktar minn 10 snin taħt pjan ta’ rkupru minħabba li l-ħuta kienet qed tiġi mhedda riżultat ta’ sajd eċċessiv li kien isir speċjalment fuq livell industrijali minn diversi pajjiżi. Dan ifisser li Malta kull sena setgħet taqbad ammont speċifiku ta’ tonn permezz ta’ kwota li tiġi stabbilita mill-ICCAT flimkien mal-membri inkluż l-Unjoni Ewropea. Is-sagrifiċċju ta’ ħafna sajjieda li naqqsitilhom il-kwota tat-tonn jew li ma kellhom l-ebda ċans jistadu għalih peress li ma kellhomx permess matul dawn is-snin, illum issarfet f’suċċess minħabba li t-tonn m’għadux meqjus bħala speċi mhedda. Dan thabbar ftit tal-ġimgħat ilu mill-International Union for Conservation of Nature (IUCN), u għaldaqstant dan jagħtina tama sabiex il-kwota internazzjonali tikber, u Malta jkollha porzjon akbar. 

Flimkien mal-awtoritajiet, jien ser naħdem sabiex fil-ġimgħat li ġejjin Malta tressaq il-punti tagħha fl-ogħla istituzzjonijiet sabiex flimkien ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea nitolbu żieda xierqa, ħalli verament inkunu nistgħu nagħtu opportunitajiet ġodda lis-sajjieda Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport