Sunday, November 3, 2024

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Farsons tapprova l-ħruġ ta’ Ishma Bonus

Aqra wkoll

Il-75 laqgħa ġenerali annwali ta’ Simonds Farsons Cisk plc ittellgħet elettronikament mill-Birrerija l-Antika, li hi l-aħħar proġett ta’ investiment tal-Grupp, u li wasal biex jintemm, ħalli din il-binja riġenerata tkun tista’ tiftaħ uffiċjalment għall-pubbliku din is-sena stess. Dan l-investiment se jkun operat minn kumpanija ġdida li twaqqfet bl-isem ‘The Brewhouse Co. Ltd’. Iċ-Chairman tal-Grupp Farsons, is-Sur Louis A Farrugia, qal li issa li l-Grupp issielet il-pandemija tal-COVID-19, bi pjaċir qed iħabbar riżultati pożittivi għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022. Il-Grupp irrapporta profitt qabel it-taxxa ta’ €12.2 miljun, li jfisser żieda ta’ €7.7 miljuni mis-sena ta’ qabel. Id-dħul tal-Grupp kien ta’ €91.8 miljun, 26% aktar meta mqabbel mat-€73 miljun tas-sena ta’ qabel.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, is-Sur Norman Aquilina, kompla jispjega li l-Grupp kellu riżultati tajbin ħafna fi żmien daqstant ta’ sfida għax baqa’ ffukat kemm jista’ fuq l-eżekuzzjoni, biex iżid il-produttività, u biex jikkontrolla l-ispejjeż. Hu nnota li l-isfidi fin-negozju se jibqgħu hemm, u li d-direzzjoni strateġika tal-Grupp hi li tirritorna għal tkabbir. Is-Sur Farrugia żied li l-isfidi globali li ħolqu pressjonijiet u inflazzjoni, kif ukoll diffikultajiet sinifikanti fil-katina tal-provvista, affettwaw il-kunfidenza u l-prestazzjoni tan-negozju. Madankollu, il-Grupp Farsons għandu qalbu qawwija bir-reżiljenza tan-negozju, bil-qawwa tal-portafoll li għandu, u bl-impenn u l-kompetenza tan-nies tiegħu.

Fil-laqgħa ġew approvati r-rendikonti tad-dħul u l-ħruġ, ir-rendikont tal-pożizzjoni finanzjarja għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022, ir-rapporti tad-Diretturi u tal-Awdituri dwarhom, u PricewaterhouseCoopers inħatru mill-ġdid bħala awdituri. Barra minn hekk, ġie approvat vot fuq ir-Rapport tar-Remunerazzjonijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2022. L-azzjonisti approvaw ukoll dividend nett finali ta’ €4 miljuni, minbarra d-dividend interim ta’ 1.5 miljun, li tħallas fl-20 ta’ Ottubru 2021, u d-dividend li tħallas fil-21 ta’ Diċembru 2021 ta’ €1.5 miljun oħra. Id-dividend nett finali għandu jitħallas lill-azzjonisti tal-Kumpanija li kienu mniżżla fir-Reġistru tal-Membri sa tmiem in-negozju tat-3 ta’ Ġunju 2022.

Il-laqgħa approvat ukoll ir-riżoluzzjoni ordinarja li tqiegħdet quddiemha li, suġġett għar-reġistrazzjoni riveduta u aġġornata tal-M&A, €1.8 miljun mill-Kont tal-Qligħ tal-Kumpanija (Retained Tax Exempt Earnings Account) jiġu kapitalizzati għall-ħruġ ta’ mhux iżjed minn 6 miljun sehem ordinarju, imħallsa kollha, b’valur nominali ta’ €0.30 kull sehem, li jfisser sehem bonus wieħed għal kull ħames ishma miżmuma. Dawn l-ishma bonus għandhom jiġu allokati lill-membri tal-Kumpanija li kienu qed jidhru fir-Reġistru tal-Membri fit-3 ta’ Ġunju 2022. Il-kumpanija toħroġ avviż biex tgħarraf lis-suq meta l-ishma jiġu kkwotati u jibdew jiġu negozjati.

Il-Bord tad-Diretturi reġa’ kien konfermat. Kif approvat mil-LĠA tat-8 ta’ Ottubru 2020, il-kumpanija ma qassmitx kopji stampati tar-rendikonti finanzjarji annwali tagħha bl-istqarrijiet tad-Diretturi u tagħrif ieħor mhux finanzjarju. Il-verżjoni uffiċjali tar-Rapport ittellgħet fis-sit www.farsons.com wara li ttellgħet fis-sit tal-Borża u ġew infurmati l-azzjonisti f’dan.

Sport