Thursday, April 18, 2024

Il-Pulizija tiċċara li tieħu kull każ ta’ vjolenza domestika b’serjetà kbira

Aqra wkoll

B’referenza għall-artiklu taħt it-titlu “Nistenna li minn ħin għall-ieħor isseħħ traġedja” ippublikat nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju 2022 fuq l-gazzetta l-Orizzont u nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2022 fuq il-portal talk.mt., il-Pulizija ddikjarat li:

B’referenza għall-artiklu ppubblikat, il-Korp tal-Pulizija jixtieq jikkjarifika li għall-kuntrarju ta’ dak li ta x’jifhem l-artiklu, il-pulizija tieħu dawn it-tip ta’ każijiet b’serjetà kbira. Għalkemm il-Pulizija konxja mill-fatt li ma kien hemm ebda nuqqas u mxiet kif suppost skont il-parametri li tippermetti l-liġi, ma jkunx etiku li wieħed jikkummenta fuq id-dettalji speċifiċi ta’ każ partikolari u dan b’rispett lejn il-partijiet involuti, inkluż l-allegat vittma.

Il-Korp tal-Pulizija tant jagħraf l-importanza u s-sensittività ta’ dawn it-tip ta’ każijiet li fl-1 ta’ Ottubru 2020 nieda sezzjoni li proprju tiffoka biss fuq il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (il-Gender Based and Domestic Violence Unit). Sar u għadu jsir investiment qawwi b’mod partikolari fit-taħriġ tal-uffiċjali li jaħdmu f’din is-sezzjoni, bil-għan li s-servizz provdut ikun wieħed dejjem iżjed professjonali u effiċjenti. Matul is-sena li għaddiet dan il-Unit ħadem kważi 2000 rapport, fejn ftit iżjed minn 500 vittma kienu rġiel, filwaqt li ftit inqas minn 1500 vittma, kienu nisa. Numru kbir ta’ apprezzamenti li l-Korp jirċievi fuq bażi regolari dwar is-servizz provdut minn din is-sezzjoni, huwa xhieda li dan l-investiment qiegħed mhux biss jagħti l-frott imma wkoll jiġi apprezzat.

Dan il-Unit jaħdem mill-qrib mal-professjonisti mill-Aġenzija Appoġġ li jiġu msejħa mill-pulizija meta jidħol rapport ta’ vjolenza domestika sabiex jagħmlu risk assessment fuq il-vittma. Ir-riżultat ta’ dan l-assessment huwa kruċjali għax apparti li jiddetermina r-riskju li tkun fih il-persuna, jista’ jintuża wkoll bħala evidenza fil-qorti.

Bil-għajnuna anke tas-servizz tal-Victim Support Unit, fi ħdan il-Victim Support Agency, il-Korp jieħu ħsieb ukoll li jżomm lill-vittmi aġġornati bl-andament tar-rapport tagħhom u fejn ikun hemm il-ħtieġa anke jirreferi lill-vittmi u f’xi każijiet anke lit-tfal tagħhom għal għajnuna ulterjuri, bħal sapport emozzjonali.

Ta’ min wieħed jerġa’ jirrimarka li filwaqt li l-pulizija tifhem, tissimpatizza u toffri kull għajnuna possibbli lill-vittmi, madanakollu kwalunkwe azzjoni oħra mistennija, partikolarment dik fil-konfront tal-allegat aggressur/i trid tiġi determinata skont il-parametri li tipprovdi l-liġi.

Il-Korp tal-Pulizija jieħu din l-opportunità sabiex jinkoraġġixxi lill-vittmi tal-Vjolenza Domestika sabiex jersqu ’l quddiem u jirrrappurtaw kull tip ta’ abbuż fuq dawn il-kuntatti:

Victim Support Unit – 2294 2160 / [email protected]

Gender Based and Domestic Violence Unit – 2294 2717 jew 2294 2777

Ekonomija

Sport