Thursday, September 25, 2025

Il-leave għal koppji li t-trabi tagħhom jiddaħħlu fl-NPICU se jingħata liż-żewġ ġenituri

Tibda diskussjoni nazzjonali dwar l-NPICU Support Leave

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

… mhux se jintefa’ piż żejjed fuq min iħaddem

Skatta proċess importanti li se jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ ġenituri li jkollhom it-trabi rikoverati fl-NPICU. Dan permezz ta’ leave speċjali propost għal dawn il-ġenituri – l-NPICU Support Leave – li lbieraħ saret konferenza nazzjonali dwaru. Meta pajjiżna se jiġi biex jimplimenta dan il-leave, Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se tkun ħadet dan il-pass kuraġġuż.

Fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li dan il-leave, meta jidħol fis-seħħ, se jkun qed jingħata mhux biss lill-omm, iżda anke lill-partner tagħha. Il-leave se jkun qed jingħata wkoll lill-koppji tal-istess sess. Dan filwaqt li mhux se jkun qed jintefa’ piż żejjed fuq min iħaddem.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul beda billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu li għal din il-konferenza tlaqqgħu professjonisti mediċi, imsieħba soċjali, għaqdiet, Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll ġenituri li sfortunatament għexu din ir-realtà.

Huwa nnota kif ta’ kull sena aktar minn 500 tarbija tiddaħħal għall-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei. Kull sena madwar 1,000 ġenitur ikollhom qalbhom imtertqa jħarsu lejn it-tarbja tagħhom fl-ewwel jiem tagħha tiġġieled għal ħajjitha.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma kif meta tarbija teħtieġ kura intensiva, il-ħajja tal-ġenituri tinbidel mil-lejl għan-nhar, iqattgħu jiem sħaħ inkwetati ma jafux x’se jġib miegħu l-jum ta’ wara. Huwa qal li l-istress li dan kollu jġib miegħu huwa kemm fiżiku kif ukoll emozzjonali. 

Is-Segretarju Parlamentari spjega li diġà skattat konsultazzjoni interna dwar il-bżonn ta’ dan il-leave, li minnhom irriżulta li meta koppja tqatta’ l-ħin mat-tarbija tagħhom waqt li din tkun f’kura intensiva, dan iwassal sabiex it-tarbija tirkupra aktar malajr.

Apparti l-aspett mediku, hemm ukoll l-aspett finanzjarju, b’Dr Ellul jgħid illi dan il-leave se jkun qed itaffi ftit mill-piż finanzjarju, u ħafna drabi mhux mistenni, li jaffaċċjaw il-koppja meta bħal sajjetta fil-bnazzi t-tarbija tispiċċa f’kura intensiva.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul tenna li fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema, Malta qed turi li tkun pijuniera f’dan kollu. Qal li l-Gvern huwa kommess li jindirizza din ir-realtà u joħloq sistemi li jirriflettu l-bżonnijiet ta’ dawn il-ġenituri. 

“Wara r-riforma tal-miscarriage leave, li waslet fl-istadji finali tagħha, issa rridu mmorru għall-pass li jmiss, li nintroduċu l-NPICU support leave. Dan mhux leave li wieħed se jieħu gost jieħdu, iżda lill-koppji se joffrilhom serħan u ġustizzja. Din il-miżura tkun suċċess biss jekk nibnuha flimkien,” temm jgħid Dr Ellul. 

Matul il-konferenza kien hemm bosta interventi oħra, fosthom minn ġenituri li għaddew minn din l-esperjenza. Dawn ilkoll irrikonoxxew il-bżonn ta’ sapport lil dawk li jkunu għaddejjin minn dan iż-żmien daqstant delikat.

Il-Membru Parlamentari Romilda Zarb, li mbuttat ’il quddiem din l-inizjattiva, qalet li din mhix sempliċi proposta politika imma “frott ta’ esperjenza” li biddlitilha ħajjitha. Enfasizzat li “din mhix biss kwistjoni ta’ kura medika imma għaqda, rabta u saħħa emozzjonali. Irridu nipprovdu dan it-tip ta’ leave li qed nipproponu. Għalhekk ersaqt ’il quddiem għax din l-esperjenza m’għandhiex biss tibqa’ tifkira… xtaqt li din tixpruna ħidma li twassal għall-bidla.”

Din il-konferenza nazzjonali kienet l-ewwel pass fid-diskussjoni dwar l-NPICU Support Leave, li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tissokta permezz ta’ aktar attivitajiet li matulhom il-partijiet kollha interessati se jkunu mistiedna jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom, sabiex kif temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bi sforz kollettiv titfassal liġi li verament tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport